Il-mewt tal-kantanta ta’ The Cranberries “mhix suspettuża”

Il-Pulizija Metropolitana f’Londra qed tgħid l-mewt tal-kantanta ta’ The Cranberries, Dolores O’Riordan, mhix qed tiġi klassifikata bħala waħda suspettuża.
Għaldaqstant, is-sena l-oħra, O’Riordan, tkellmet dwar il-fatt li għal xi tul ta’ żmien hi kienet qed tbati minn dipressjoni u xi problemi mentali. Kienet semmiet ukoll li ppruvat tneħħi ħajjitha b’idejha fl-2013.
Ilbieraħ fid-9.05am, il-Pulizija ssejħu f’lukanda f’Park Lane f’Londra wara li daħlilhom rapport li nstabet mara mejta. F’dak iż-żmien, il-kantanta Irlandiża ta’ 46 sena, kienet qiegħda Londra sabiex tirrekordja xi mużika.
Il-grupp The Cranberries kisbu s-suċċessi tagħhom lura fl-1990 bil-kanzunetti Linger u Zombie. O’Riordan telqet mill-grupp lura fl-2003 fejn bdiet taħdem fuq il-karriera tagħha bħala solista. Minkejja kollox, il-grupp The Cranberries reġa’ ngħaqad lura fl-2009.