Il-mewt ta’ Chetcuti: imħabba, kondoljanzi, twissija

Is-sieħba ta’ Hugo Chetcuti stqarret l-imħabba tagħha fuq Facebook waqt li L-Orizzont ippubblika twissija li saret waqt intervista ma’ sorsi qrib il-pulizija. Hugo Chetcuti miet ilbieraħ wara li nhar il-Ġimgħa filgħaxija qala’ daqqiet ta’ sikkina allegatament minn Bojan Cemlik, Serb ta’ 35 sena. Hugo Chetcuti kien is-sid ta’ diversi stabbilimenti tad-divertiment f’Paceville.

Kseniya Yashchenko, is-sieħba ta’ Chetcuti kitbet fuq Facebook  li se tibqa’ tħobbu għal dejjem għax dejjem iddefendieha u pproteġieha. “Your are my best kitten”, kitbet.

Il-gazzetti Maltin taw prominenza fil-faċċata tagħhom għall-mewt ilbieraħ filgħaxija. Waqt li The Malta IndependentTimes of Malta u In-Nazzjon illimitaw ruħhom biex jagħtu l-aħbar, il-gazzetta L-Orizzont kellha intervista ma’ sorsi deskritti bħala qrib il-Korp tal-Pulizija. Skont dawn is-sorsi, l-attakk fuq Chetcuti jista’ jwassal għal ġlieda b’saħħitha fid-dinja tal-kriminalità f’Malta. L-istess sorsi nnutaw l-interessi differenti li kellu Chetcuti f’Paceville u żiedu li huwa importanti li wieħed jistaqsi fejn se tmur it-tmexxija ta’ tant oqsma vulnerabbli għall-kriminalità.

Il-familja ta’ Hugo Chetcuti ħarġet stqarrija fuq Facebook:

Sadanittant il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Qalet li Hugo kien ħabib ta’ vera tal-FKNK u li l-FKNK qatt ma tista’ tinsa l-appoġġ mingħajr riżervi li kien tahom waqt ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

L-Għaqda tal-iżviluppaturi Maltin (MDA) iddeskrivew lil Chetcuti bħala imprenditur li żviluppa lil Paceville f’ċentru li jiġbed eluf ta’ nies lejn l-istabbilimenti tiegħu.