Il-mewġ jerġa’ jxekkel it-tfittxija għall-239 passiġġier

Minħabba l-maltemp li hemm fl-Oċean Indjan, reġgħet ġiet sospiża t-tfittxija għall-fdalijiet tal-ajruplan Boeing 777 tal-Malaysia Airlines, li tilef kuntatt mall-kumplament tad-dinja fit-8 ta’ Marzu li għadda.
Din hi t-tieni darba din il-ġimgħa li kellha tieqaf il-ħidma minħabba l-qawwa tal-mewġ.  L-Awtoritajiet Awstraljani, li qed jieħdu ħsieb il-ħidma ta’ tfittix fin-nofsinhar tal-Oċean Indjan, qalu li l-ajruplani kollha daħlu f’Perth u l-bastimenti qed iħallu ż-żona.
Nhar il-Ħadd li għadda ttieħdu ritratti mis-satelliti li juru aktar minn 120 oġġett fil-baħar li jistgħu jkunu tal-ajruplan.  Dawn instabu 2,500 kilometru ’l barra minn Perth.