Il-MEUSAC tgħin jinkisbu 341 proġett b’fondi Ewropej f’disa’ snin

Il-Malta –EU Steering and Action Committee (MEUSAC) fl-aħħar disa’ snin għen 341 Għaqda Volontarja, Kunsilli Lokali jew Entitajiet tal-Gvern biex kisbu bejniethom €35,220,321 f’fondi Ewropej biex wettqu diversi proġetti komunitarji.
Tagħrif Parlamentari għall-mistoqsija tad-deputat Robert Abela juri li mill-2008 sal-lum, il-MEUSAC għenet 193 NGO li bbenefikaw minn total ta’ €9,812,015; 119-il Kunsilli Lokali (uħud wettqu iktar minn proġett wieħed) li bbenefikaw minn total ta’ €13,574,000 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u 29 entità tal-Gvern li bbenefikaw minn total ta’ €11,834,306 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Apparti l-appoġġ biex jinkisbu fondi Ewropej, il-MEUSAC għandu l-għan li jistimula d-dibattitu lokali dwar il-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni Ewropea, iwassal informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea lill-Maltin u jiżgura li ssir il-konsultazzjoni bejn l-istakeholders kollha dwar il-miżuri u d-direttivi Ewropej li jkunu se jidħlu fis-seħħ f’Malta.