Il-Messiku jesperjenza l-aktar żmien imdemmi u vjolenti mill-2011

Minn tal-inqas 35 persuna nqatlu fi tmiem il-ġimgħa fil-Messiku, hekk kif il-vjolenza bejn gangs tad-droga laħqet livelli mhux mimsusa sa mill-2011.
Fl-Istat ta’ Sinaloa, il-Ħadd biss 12-il persuna nqatlu f’każijiet separati.
Skont uffiċjali Messikani, il-ġlied eskala mindu l-mexxej tal-kartell tad-droga ta’ Sinaloa, Joaquin Guzman, jew magħruf aħjar bħala El Chapo, inqabad mill-Pulizija s-sena l-oħra u ġie tturufnat fl-Istati Uniti.
Sadanittant, 9 persuni oħra nqatlu fi sparatura bejn gangs rivali lbieraħ fil-muntanji ta’ Michoacan, fil-Punent tal-pajjiż.
L-Istat ta’ Guerrero huwa l-aktar wieħed vjolenti u imdemmi, hekk kif il-gangs jiġġieldu fuq l-għelieqi kbar tal-opju, il-fjura li minnha ssir l-eroina. Fil-fatt, wara sparatura oħra s-Sibt, il-Pulizija sabet 14-il ġisem il-Ħadd filgħodu f’dawn l-inħawi.
Qed jingħad li t-talba dejjem akbar għall-eroina min-naħa tal-Istati Uniti qed titfa’ pressjoni fuq dan in-negozju illegali, li mbagħad jirrifletti fi vjolenza eħrex.
F’Jannar tal-2014, il-Gvern Messikan innifsu ħa f’idejh l-Istat ta’ Michoacan fit-tentattiv li jnaqqas il-vjolenza bejn il-gangs tad-droga, kif ukoll jieħu ħsieb il-gruppi ta’ ġlied imwaqqfa minn persuni komuni li kienu qed jiġġieldu t-traffikar u l-ħtif ta’ persuni fl-istat, dejjem minħabba kunflitti fuq droga.
Fir-ritratt: Żewġ persuni mgħallqa wara ġlieda bejn gangs tad-droga, bil-Pulizija tasal fuq il-post