Il-messaġġ tal-Prinċep Harry lil Meghan f’għeluq sninha

Ritratt: Instagram

Id-Dukessa ta’ Sussex illum qed tagħlaq sninha u l-Prinċep Harry mill-ewwel għamlilha messaġġ li tellgħu fuq Instagram u li f’ħakka t’għajn ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna.

Id-Dukessa Meghan illum qed tagħlaq 38 sena u fil-messaġġ tiegħu, il-Prinċep Harry tella’ ritratt ta’ martu li ħa waqt il-btala tagħhom fil-Marokk is-sena l-oħra.

Għad-Dukessa ta’ Sussex, għeluq sninha din is-sena huwa wieħed speċjali għax huwa l-ewwel wieħed tagħha bħala omm. Bla dubju li l-Prinċep Harry u d-Dukessa Meghan se jkunu qed iqattgħu dan il-jum speċjali ma’ binhom Archie.

“Awguri lid-Dukess ta’ Sussex f’għeluq sninha. L-isbaħ xewqat lill-mara meraviljuża tiegħi. Grazzi talli nagħqadt miegħi fuq din l-avventura!” jgħid il-messaġġ.

Il-membri tal-familja Rjali normalment jiċċelebraw għeluq sninhom b’mod privat. Wisq probabbli li Duka u d-Dukessa ta’ Sussex se jkunu qed iqattgħu l-jum fi Frogmore Cottage flimkien maċ-ċkejken Archie u ftit ħbieb personali tagħhom jew xi membri tal-familja, għalkemm mhux uffiċjali fejn se jkunu eżatt.