Il-Messaġġ tal-Papa għar-Randan: Gidba li ħajjitna hi tagħna u nagħmlu biha li rridu

Il-messaġġ tar-Randan 2020 tal-Papa Franġisku.

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa jitkellem dwar il-Misteru tal-Għid – il-misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien – bħala il-bażi tal-konverżjoni. It-titlu tal-messaġġ tal-Papa hu kwotazzjoni mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin: “Inħeġġukom f’isem Kristu – Irrikonċiljaw ma’ Alla”.

“Dan il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, jiġbor fih il-misteru tal-imħabba ‘reali, vera u konkreta’ li tistedinna għal relazzjoni miftuħa u djalogu li jagħti l-frott”, kiteb il-Papa. “Kulmin jemmen dan il-messaġġ jiċħad il-gidba li ħajjitna hi tagħna u nagħmlu biha li rridu”.

Il-Papa qal li matul dan ir-Randan, xtaq jistieden lill-insara biex jiffissaw ħarsithom fuq Kristu Msallab u nħallu lilna nfusna “inkunu salvati, u salvati mill-ġdid”.  “L-Għid ta’ Ġesù mhux xi ħaġa tal-imgħoddi, anzi, bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu, hu preżenti u jgħinna naraw u nmissu bil-fidi, il-Ġisem ta’ Kristu f’dawk li qed ibatu”.

L-importanza tat-Talb

Il-Qdusija Tiegħu jenfasizza l-importanza tat-talb matul ir-Randan, bħala mezz kif inwieġbu għall-imħabba t’Alla “li hi dejjem qabilna u ssostnina”. Aħna msejħa biex nisimgħu u nwieġbu għall-Kelma t’Alla biex nesperjenza “il-ħniena li Hu jagħtina b’xejn”.

Il-Mulej hu dejjem “fi djalogu ta’ salvazzjoni magħna”, minkejja d-djufija u n-nuqqasijiet tagħna, qal il-Papa. Din ix-xewqa li jsalvana “wasslet lill-Missier biex jgħabbi lil Ibnu bit-toqol ta’ dnubietna u b’hekk kif qal il-Papa Benedittu XVI ‘dawwar lil Alla kontra tiegħu nnifsu’.

Impenn għal dinja aħjar

“Li npoġġu l-Misteru tal-Għid fiċ-ċentru ta’ ħajjitna ifisser li nħossu kumpassjoni għall-feriti ta’ Kristu Msallab li hu preżenti fil-ħafna vittmi nnoċenti tal-gwerer, attakki fuq il-ħajja minn dik tat-tarbija mhux mitwielda sa dik tal-anzjani, u ħafna forom oħra ta’ vjolenza”.

Dan ifisser li rridu nimpenjaw ruħna personalment u nkunu involuti “fil-bini ta’ dinja aħjar”. Sostna l-Papa Franġisku.

Filwaqt li faħħar kull għotja ta’ karità, il-Papa fakkar fil-laqgħa li sejjaħ għall-aħħar ta’ Marzu ma’ “ekonomisti żgħażagħ, imprendituri u dawk li kapaċi jġibu bidla, bl-iskop li jinstab mudell ta’ ekonomija aktar ġusta u nklussiva”.

Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu tar-Randan, b’talba lill-Madonna “biex iċ-ċelebrazzjoni tar-Randan tiftaħ qlubna biex nisimgħu s-sejħa t’Alla biex nirrikonċiljaw Miegħu, biex inħarsu lejn il-misteru ta-Għid u nikkonvertu għal djalogu sinċier u miftuħ Miegħu.”