Il-messaġġ tal-Għid tal-Papa

Ġesù qam mill-mewt!  Dan il-messaġġ jinstema’ fil-Knisja madwar id-dinja flimkien mal-kant tal-Alleluja: Ġesù hu Alla. Il-Missier qajmu biex hu jgħix għal dejjem fostna. Dan kien il-qofol tal-messaġġ li l-Papa Franġisku ta’ f’Jum l-Għid il-Kbir lill-folla li nġabret fi Pjazza San Pietru.
Il-Papa fakkar li:
Ġesù kien ħabbar minn qabel il-mewt u l-qawmien tiegħu bit-tixbiha taż-żbula tal-qamħ. Qal: “Jekk iż-żbula tal-qamħa ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ weħidha; imma jekk tmut tagħmel il-frott”. U dan eżatt dak li seħħ. Ġesù ż-żbula tal-qamħ li Alla żera' fid-dinja, miet, inqatel mid-dnubiet ta’ din id-dinja. Dam jumejn fil-qabar; imma l-mewt tiegħu kien fiha l-imħabba t’Alla bil-qawwa kollha tagħha li wriet ruħha fit-tielet jum, il-ġurnata li qed niċċelebraw illum: l-Għid ta’ Kristu Sultan.
Aħna l-insara nemmnu u nafu li l-qawmien ta’ Kristu hu l-veru tama għad-dinja, tama li ma tiddiżappuntax. Hi l-qawwa ta’ dik iż-żbula, il-qawwa ta’ dik l-imħabba li ċċekken lilha nfisha u tagħti lilha nnifisha sal-aħħar u ġġedded id-dinja. Din il-qawwa tkompli tagħti l-frott anke llum, fil-konsenturi tal-istorja tagħna li hi miżgħuda b’tant atti ta’ inġustizzja u vjolenza. Tagħti l-frott tat-tama u d-dinjità fejn hemm in-nuqqasijiet u l-esklużjoni, fejn hemm il-ġuħ u l-qgħad, fejn hemm l-emigranti u r-refuġjati (li ħafna drabi huma mormija mill-kultura tal-ħela), fejn hemm il-vittmi tan-negozju tad-droga, it-traffikar uman u l-iskjavitù modern.
Illum nitolbu biex ikun hemm il-frott tal-paċi fid-dinja kollha, nibdew mis-Sirja li n-nies tagħha huma mkissra minn gwerra li donnu ma tispiċċa qatt. Dan l-Għid nitolbu biex id-dawl ta’ Kristu Rxoxt idawwal il-kuxjenza tal-mexxejja politiċi u militari kollha biex malajr kemm jista’ jkun jieqaf il-massakru li hu għaddej, biex il-liġi umanitarja tkun rispettata u jittieħdu passi biex ikun faċilitat l-aċċess għall-għajnuna li hi meħtieġa b’urġenza minn ħutna u biex ikun hemm kundizzjonijiet xierqa biex dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom ikunu jistgħu jirritornaw.
Nitolbu għall-frott tar-rikonċiljazzjoni fl-Art Imqaddsa li anke f’dawn il-jiem għaddejja minn kunflitt kontinwu li jolqot ukoll lil dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom; għall-Yemen u għal-Lvant Nofsani kollu biex id-djalogu u r-rispett reċiproku jipprevalu fuq id-diviżjoni u l-vjolenza. Jalla ħutna fi Kristu li spiss irid ujiffaċċjaw inġustizzji u persekuzzjoni, ikunu xhieda ta’ Kristu Rxoxt u tar-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin.
Nitolbu għat-tama lil dawk li huma mxennqa għal ħajja aktar dinjituża, partikolarment fil-kontinent Afrikan li qed isofru l-ġuħ, ġlied endemiku u t-terroriżmu. Nitolbu biex il-paċi ta’ Kristu Rxoxt tfejjaq il-feriti tas-Sudan t’Isfel u tiftaħ il-qlub għad-djalogu u l-ftehim. Ejja ma ninsewx lill-vittmi ta’ dan il-kunflitt, speċjalment lit-tfal. Irridu nuru solidarjetà sħiħa ma’ dawk li kienu sfurzati li jabbandunaw arthom u li m’għandhomx anqas l-essenzjali biex jgħixu.
Nitolbu għad-djalogu fil-Peninżula Koreana biex id-diskussjonijiet li għaddejjin iwasslu għall-armonija u l-paċi fir-reġjun. Jalla dawk responsabbli direttament jimxu bilgħaqal u d-dixxerniment biex iġibu ‘l quddiem il-ġid tal-poplu Korean u jibnu relazzjoni ta’ fiduċja fil-komunità internazzjonali.
Nixtiequ wkoll il-paċi fl-Ukrajna biex il-passi li qed isiru biex ikun hemm l-armonija jkunu konsolidati u ffaċilitati minn inizjattivi umanitarji li l-poplu ta’ dak il-pajjiż tant għandu bżonn.
Nitolbu wkoll għall-konsolazzjoni tal-poplu tal-Venezwela li, kif kitbu l-Isqfijiet tagħhom, qed jgħix fi speċi ta’ “art barranija” f’pajjiżhom stess. Bil-qawwa tar-Reżurezzjoni ta’ Kristu nitolbu biex dak il-poplu jsib mod ġust, paċifiku u uman biex jegħleb ħesrem il-kriżi politika u umanitarja li ħakmitu.
Nitolbu biex Kristu Rxoxt jagħti ħajja ġdida lil dawk it-tfal li bħala riżultat tal-gwerer u l-ġuħ qed jgħixu mingħajr tama, b’nuqqas ta’ edukazzjoni u kura medika u lil dawk l-anzjani li qed ikunu mwarrba mill-kultura egoista li toħnoq lil dawk li mhumiex ‘produttivi’.
Nitolbu wkoll għall-frott tal-għerf lil dawk li fid-dinja għandhom responsabbiltajiet politiċi, biex dejjem jirrispettaw id-dinjità umana u jimpenjaw ruħhom attivament fit-tfittxija tal-ġid komuni u jassiguraw l-iżvilupp u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha tagħhom.
Ħuti, il-kliem li semgħu n-nisa li kienu qrib il-qabar ta’ Kristu, huma indirizzati għalina wkoll: “Għax qed tfittxu l-ħajjin fost il-mejtin? Hu mhux hawn imma rxoxta”. Il-mewt, is-solitudni u l-biża’ mhumiex l-aħħar kelma. Hemm kelma li tittraxxendi dan kollu. Kelma li Alla biss jista’ jgħidha: hi l-kelma tar-Reżurezzjoni. Bis-saħħa tal-imħabba t’Alla, il-ħażen jispiċċa, in-nuqqasijiet jinħaslu, l-imġarrfa jinħafru, l-imnikkta jifirħu, il-mibegħda tispiċċa, is-setgħana jaqgħu u jkun hemm il-ftehim, temm il-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku.