Il-messaġġ ta’ Fatima għadu rilevanti anke llum

Waqt omelija li għamel f’quddiesa fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Karmnu f’Middletown, biex tfakkar il-100 anniversarju mid-dehriet ta’ Fatima, l-Isqof Awżiljarju Dominick Lagonegro għolla ritratt ta’ folla nies f’Fatima u ppunta lejn żewġ persuni li jidhru fih u qal “Dawn huma z-zija u z-zija tiegħi” li kienu assistew għall-aħħar dehra f’Fatima fejn kien seħħ dak li hu magħruf bħala “Il-Miraklu tax-Xemx”.
Għalkemm din il-koppja kienu żżewġu fl-Istati Uniti, fit-13 ta’ Ottubru 1917, inzertaw kienu f’Fatima, semgħu x’ kien qed jiġri f’dak ir-raħal u marru biex jaraw b’għajnejhom stess.
“Ziti dejjem qalet kemm kien temp ikrah dakinhar. Qaltli li x-xita niżlet bil-qliel għal ħinijiet twal u għamlet lil kulħadd għasra”. 
"Iz-zijiet kellhom jimxu fit-tajn biex waslu f’Cova da Iria fejn it-tlitt itfal raw il-Madonna u ħadu tixriba tajba", kompla jirrakkonta l-Isqof.
“Meta waslu t-tlitt itfal, ix-xita waqfet f’daqqa, is-sħab infetaħ u ħarġet ix-xemx. U din bdiet tielgħa u nieżla u ddur 'il quddiem u lura bħalkieku kienet qed tiżfen” irrakkonta l-Isqof dak li darba kienet qaltlu z-zija.
Bi tbissima l-Isqof staqsa lill-kongregazzjoni  “Min ħlief il-Verġni Marija seta’ jagħmel iż-żifna tax-xemx?”
Imbagħad ix-xemx bdiet tikber u tersaq lejn id-dinja. Għal ftit minuti dehret nieżla fuq id-dinja u kulħadd daħal f’qoxortu u wara ftit irritornat lura lejn l-orbita tagħha.
Hu qal li zitu stagħġbet kif ħwejjiġha li ftit minuti qabel kienu mxarrba għasra issa kienu nixfu u t-tajn fl-art għaqad.
Hawnhekk l-Isqof Logonegro għolla Kurċifiss li kien tah Papa Ġwanni Pawlu II, li kien devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima, u sostna li l-messaġġ ta’ Fatima għadu rilevanti anke llum, 100 sena wara.
“Il-Paċi tiġi biss mit-talb u l-penitenza. Importanti li aħna ngħidu r-rużarju u noffru atti ta’ penitenza, xi ġest ta’ karità, tbissima u affarijiet żgħar oħra. Jien nemmen li xi darba għad ikollna l-paċi fid-dinja, imma dan jiġi biss bit-talb u s-sagrifiċċji”, qal l-Isqof Awżiljarju.