“Il-Mepa għandha titħalla taħdem b’mod awtonomu”

Il-Mepa għandha titħalla taħdem b’mod awtonomu waqt li l-impjegati tagħha ma għandhom qatt iħossu li għandhom iservu partit politiku qabel dmirhom lejn pajjiżhom. Il-Mepa għanda tkun leali lejn il-poplu Malti qabel gvern jew ieħor.
Hekk qalet id-Deputat Laburista Marlene Farrugia waqt intervent tagħha waqt id-dibattitu Parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-MEPA. Hija kienet qed tintervjeni wara żewġ interventi li fihom id-Deputati Nazzjonalisti Marthese Portelli u Ryan Callus allegaw “oxxenitajiet” fil-mod kif qed titmexxa l-MEPA
Portelli qalet li l-intervent tal-Kap Eżekutiv tal-MEPA Dr Johann Buttigieg quddiem il-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp nhar it-Tnejn li għadda wera kunfidenza bejn l-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-MEPA. Hija ddeskriviet ir-rapport dwar l-għażla ta’ sit għall-Università Amerikana ta’ Malta bħala wieħed “fażull” li ma jirrispettax il-prinċipji ta’ professjonalità, abbiltà u kontabbilità   li fuqhom hija mibnija l-MEPA. Hija kkritikat ukoll il-fatt li wara sentejn u nofs għadu ma ġiex appuntat Direttur tal-Ambjent u lanqas Direttur risponsabbli mill-aspett regolatorju. Min-naħa l-oħra ssaħħaħ id-Direttorat risponsabbli mill-ippjanar billi nħolqu pożizzjonijiet diversi ġodda
Callus, min-naħa l-oħra allega favoritiżmu fir-rigward ta’ żewġ uffiċċjali fil-MEPA li allegatament huma qrib il-Partit Laburista u li skont l-istess deputat ġew avvantaġġjati f’sejħiet interni għal gradi għolja fi ħdan il-MEPA. 
Is-Segretarju Parlamentari risponsabbli mill-MEPA, Michael Falzon wieġeb li “jekk hu ħażin hu ħażin u jekk saru l-inġustizzji nara kif insewwihom”. Tassew li ssaħħet is-sezzjoni tal-ippjanar, iżda daqstant żdiedu l-uffiċċjali fid-Direttorat tal-Infurzar, fosthom żieda minn żewġ uffiċjali għal 12 fl-għadd ta' uffiċċjali risponsabbli mill-infurzar fl-ODZ.