Il-MEPA ddeċidiet dwar it-tanker tal-gass mingħajr m’għamlet l-istudji – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-MEPA ħadet deċiżjoni mingħajr ma sar l-ebda maritime impact assessment u studji oħra li huma meħtieġa biex ikun żgurat li qed tittieħed l-aħjar deċiżjoni dwar it-tanker tal-gass ankrat f’Marsaxlokk.
 
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-PN se jappoġġja lill-Gvern f’inizjattivi li jwasslu għal traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.  
 
Żied jgħid li madanakollu l-Oppożizzjoni mhix taqbel mal-Gvern dwar il-ħażna tal-gass.  Sostna li ‘d-deċiżjoni turi li l-Gvern mar għal deċiżjoni ta’ konvenjenza u mhux ta’ sigurtà u ħadd m’għandu jilgħab bil-ħajja tan-nies.’
 
Saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem biex tkun il-vuċi ta’ dawk milquta minn din id-deċiżjoni. Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Eżekuttiv tal-PN Dr Ann Fenech, George Pullicino u Ryan Callus.