Il-MEPA b’policy tal-ippjanar ġdida għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Il-MEPA ħarġet abbozz ta’ policies tal-ippjanar ġodda li se jippermettu l-implimentazzjoni ta' proġetti ta’ titjib fl-infrastruttura u s-servizzi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dawn il-policies proposti li nħarġu għal konsultazzjoni pubblika jinkludu estensjoni tas-sit.
Il-policy tipproponi li żoni miftuħa li jinsabu fl-isptar jintużaw għal żieda fis-servizzi inkluż fil-Health Tourism.
Għaldaqstant, tindika li jrid isir tentattiv biex dawn ikunu minimi.
Dwar l-għoli tal-bini, il-policy se tippermetti li l-bini eżistenti u dak ġdid jista’ jinbena ogħla mill-għoli tal-bini eżistenti, sakemm ikun hemm ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-faċilitajiet speċifiċi fit-titjib tas-saħħa u jkun hemm assigurazzjoni fil-kwalità tad-diżinn.
L-Awtorità qalet li xorta waħda trid issir valutazzjoni u simulazzjoni viżwali tal-estensjonijiet biex jiġi aċċertat li l-għoli propost ma joħloqx impatt viżwali inaċċettabbli.
Ir-reviżjoni bil-proposta u l-mapep relevanti jinsabu disponibbli fuq il-websajt tal-MEPA, li qed tistieden lill-partijiet interessati u l-pubbliku sabiex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom fl-imejl: gozohospital@mepa.org.mt.
Dawn is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 4 ta’ Marzu li ġej.