Il-MEPA b’policies ġodda għall-pompi tal-petrol u ċ-ċimiterji

L-Awtorità għall-Ippjanar għaddiet għall-aħħar fażi qabel il-pubblikazzjoni ta’ żewġ dokumenti ta’ policy dwar il-pompi tal-petrol u ċ-ċimiterji.
Iċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar qal li l-għan huwa li pompi tal-petrol jiġu rilokati ‘l barra miż-żoni residenzjali.
Dan għaliex joħolqu problemi għas-sigurtà speċjalment meta jkunu viċin kmamar tan-nar.
Saħaq li r-rilokazzjoni se tkun qed tfisser standards ogħla tas-sigurtà.
Il-Perit Frans Vella spjega li l-miri għall-policy dwar il-pompi tal-petrol kienu erbgħa, biex jiġi stabbilit qafas, gwida, standards għar-rilokazzjoni u s-sigurtà.
Ġew individwati numru ta’ żoni għar-rilokazzjoni ta’ dawn il-pompi tal-petrol fosthom art li mhux agrikola u barrieri mitluqa. Il-MEPA rċeviet 19-il sottomissjoni għall-abbozz tal-liġi.
Dwar il-policy għaċ-ċimiterji, iċ-Chairman tal-MEPA qal li l-Awtorità rċeviet numru ta’ talbiet għal ċimiterji ġodda u estensjonijiet ta’ dawk eżistenti.
Qal li nħasset il-bżonn ta’ regolamentazzjoni għalkemm mhux ippjanat li jiżdiedu iżda li jittejbu dawk li diġà huma eżistenti.
Il-Perit Raphael Axiak qal li l-policy tħares lejn l-estensjonijiet u tħares lejn setturi oħra fosthom metodi alternattivi għad-difna bħall-kremazzjoni.
Spjega li l-policy mhux se tkun qed timponi metodu ta’ difna partikolari.
Il-MEPA se tkun qed tikkunsidra l-inħawi u l-impatt ambjentali b’mod speċjali fuq l-ilma tal-pjan meta jsir l-iskavar għall-estensjoni ta’ ċimiterji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon qal li dawn il-policies huma katina minn sensiela ta’ sfida li l-MEPA kellha biex tindirizza ċertu setturi.
Qal li qabel dawn il-policies, b’mod speċjali dwar iċ-ċimiterji kulma kien hawn kienu biss ordinanzi li jmorru lura mat-300 sena.
F’sentejn ġew ippubblikati sitt policies ġodda u hemm oħrajn li se jiġu konklużi fosthom dwar is-solar farms.