Il-membri tal-PL għandhom responsabbiltà kbira – Il-Ministru Bartolo

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo sostna fuq Facebook li l-membri tal-Partit Laburista li għandhom dritt jivvutaw illum, għandhom jaqdu dmirhom b’responsabbiltà kbira. Dan hekk kif huma se jkunu qed jagħżlu lill-persuna li se tkun qed tmexxi lill-partit u lill-pajjiż fiż-żmien li ġej.

Għall-ħabta tat-8am, fetħu ċ-ċentri ta’ votazzjoni madwar Malta u Għawdex sabiex mas-17,000 tesserat jixħtu l-vot tagħhom biex jeleġu mexxej tal-Partit Laburista. Liema Mexxej imbagħad jieħu l-pożizzjoni ta’ Prim Ministru tal-pajjiż fil-jiem li ġejjin.

Bartolo kkwota lil dak li sejjaħlu wieħed mill-aqwa poliriċi Laburisti li qatt eżista, Ġużè Ellul Mercer li kien qal li “l-Mexxejja ta’ ħila politika jiġu u imorru, jgħaddu u jintesew, u flokhom jiġu oħrajn, iżda il-prinċipji, il-pedamenti sodi li fuqhom huwa mibni il-partit tal-ħaddiema, ma jitbiddlux. Jibqgħu dejjem fejn huma sakemm il-kotra tibqa kotra, dejjem lesti biex meta jasal il-waqt, jinbena u jitwaqqaf fuqhom il-partit li jiġbor lil kulħadd miegħu, il-partit tal-futur, il-partit tal-kotra, il-partit li l-għajta tiegħu tkun: Ħobż, xogħol u tagħlim għal kollu kemm hu l-ħaddiem!”

Bartolo spjega li din is-sena il-Partit se jkun qed jiċċelebra l-100 sena mit-twelid tiegħu. Qal li filwaqt li hemm ħafna tajjeb fuq xiex jinbena hemm bżonn li jsir xogħol biex jinbena ġieħ Malta. Sostna li hemm bżonn li wieħed isaħħaħ u jtejjeb tmexxija ġusta u onesta tal-istituzzjonijiet nazzjonali bil-valura ta-ugwaljanza, il-libertà u l-ġustizzja soċjali. Insista li hemm bżonn ta’ żvilupp tal-valuri u l-ħiliet tal-poplu kollu.

Temm jgħid li hemm bżonn tittejjeb il-ħajja f’kull qasam fl-isfidi diffiċli u r-relatajiet ġodda tas-seklu 21 biex ikun hemm soċjetà iżjed umana.