Il-membri tal-Moviment tal-5 Stillel jivvutaw favur koalizzjoni mal-PD

FILE PHOTO: Interior Minister Matteo Salvini looks on next to Italy's Minister of Labor and Industry Luigi Di Maio at the Quirinal palace in Rome, Italy, June 1, 2018. REUTERS/Tony Gentile/File Photo

Read in English.

Il-membri tal-Moviment tal-5 Stillel fl-Italja vvutaw favur il-formazzjoni ta’ koalizzjoni mal-partit taċ-ċentru xellugi, il-Partit Demokratiku. Il-vot sar matul il-jum tat-Tlieta bil-membri tal-partit jivvutaw onlajn.

Il-Moviment tal-5 Stillel (M5S) ħabbar li 79% ta’ kważi 80,000 persuna li ħadu sehem fil-vot qablu li għandha tiġi ffurmata l-koalizzjoni mal-PD.

Il-Gvern Taljan kien iffurmat b’koalizzjoni bejn il-Moviment ta’ 5 Stillel u l-partit tal-lemin estrem il-Lega Nord, iżda dan sfaxxa wara 15-il xahar, wara li ssejjaħ vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.

Il-mexxej tal-Lega Nord, Matteo Salvini, kien qed jimmira li jsiru elezzjonijiet bikrija iżda issa spiċċa fl-Oppożizzjoni.

Meta l-kummidjant Beppe Grillo waqqaf il-Moviment tal-5 Stillel huwa għamel dan biex jaqta’ mill-partiti stabbiliti fl-Italja. Il-ftehim bejn l-M5S u l-PD huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fl-Ewropa, bejn partit stabbilit u grupp ta’ populisti.

Il-gvern il-ġdid Taljan mistenni jkun inqas aggressiv fil-konfront tal-Unjoni Ewropea mill-gvern ta’ qabel speċjalment dwar temi ta’ immigrazzjoni. Il-koalizzjoni l-ġdida se tkun qed taħdem biex issib bilanċ bejn miżuri ekonomiċi li jistimulaw it-tkabbir.

Conte, li huwa independenti iżda viċin tal-MS5, se jkompli jservi bħala prim ministru. Għadu mhux ċar x’rwol se jkollu Luigi Di Maio li fil-koalizzjoni fil-gvern mal-Lega Nord kien iservi bħala deputat prim ministru flimkien ma’ Matteo Salvini.