“Il-membri tal-familja għandhom iħossuhom siguri fid-dar”- Maġistrat

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace widdbet lil raġel li deher quddiema akkużat bi vjolenza domestika u qaltlu li l-membri tal-familja għandhom iħossuhom siguri f’darhom.

Dan qalitu fil-każ tar-raġel ta’ 31 sena minn Birkirkara li tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat li f’jum l-ewwel tas-sena darab lis-sieħba tiegħu u lil binha u li l-ġurnata ta’ wara heddidhom. Fil-Qorti l-każ ġie diskuss viċin il-bank, fejn il-pubbliku preżenti ma setax jisma’ dak li kien qed jiġi diskuss.

Ftit wara, l-avukati tad-difiża qalu li r-raġel kien qed iwieġeb ħati. Il-Maġistrat spjegat li r-raġel kien se jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża għal tliet snin. Il-Maġistrat qalet li kienet qed tatih dan iċ-ċans, minkejja li xi ftit kontra qalbha. Sostniet li l-vjolenza domestika hija xi ħaġa li hi ma tifhimx għax “ħadd ma għandu jweġġa’ lil min suppost iħobb.”

Hi spjegat li l-irwol tar-raġel f’relazzjoni hija li jipprovdi u jipproteġi. Sostniet li hu qiegħed hemm biex jipproteġi lill-familja u mhux joħloq aktar problemi. Hi kompliet tgħid lir-raġel li hemm bżonn jaġixxi ta’ adult u juri lil ibnu li meta jsir adult u jkollu sieħba ma għandux jaġixxi b’mod stupidu.