Il-membri kollha fil-konsorzju għandhom biżżejjed fondi għall-power station – Electrogas

Il-kumpanija Electrogas Malta qed issostni li l-partijiet kollha fil-konsorzju huma dedikati biex jibdew u jlestu l-proġett tal-bini ta’ power station ġdida f’Delimara malajr kemm jista’ jkun.
Dan skont il-ftehim li ntlaħaq mal-Korporazzjoni Enemalta.
Fi stqarrija, Electrogas Malta qalet li l-partijiet kollha tal-konsorzju għandhom biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiffinanzjaw l-iżvilupp u l-ispejjeż assoċjati mal-bini tal-power station.
Dan jinkludi wkoll lil Gasol, li hija kumpanija ewlenija fil-konsorzju.
Jingħad li Gasol irnexxilha tattira bi 30 miljun Dollaru f’bonds internazzjonali aktar kmieni dan ix-xahar.
L-istqarrija ssostni wkoll li l-konsorzju jgawdi mill-appoġġ ta’ banek ewlenin internazzjonali li jinsabu lesti li jipprovdu iżjed fondi, jekk ikun meħtieġ, għal dan il-proġett.
Din l-istqarrija saret wara numru ta’ dikjarazzjonijiet fil-Parlament minħabba dan il-proġett tal-power station u l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, li staqsa jekk il-problemi finanzjarji tal-kumpanija Gasol humiex ir-raġuni għaliex il-proġett għadu ma bediex.
Electrogas Malta qed issostni li l-konsorzju huwa konxju li dan il-proġett f’Delimara se jkun żvilupp importanti fil-qasam tal-enerġija f’Malta.
Intqal li l-membri kollha tal-konsorzju se jonoraw l-impenn li għandhom lejn dan il-proġett.