Filmat: Il-Melita se jħallsu għar-restawr tal-vara

F’laqgħa li saret dalgħodu fil-knisja tal-Birgu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita kkonferma li l-kumpanija se tħallas għar-restawr tal-istatwa tal-irxoxt wara li l-Ħadd li għadda qabdet ma’ wajer fit-triq waqt il-ġirja tradizzjonali.
Ilbieraħ, il-kumpanija kkunttajat lill-Arċipriet Dun Karm Busuttil minn jeddha biex tiltaqa’ miegħu.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja f’Malta Michael Pace Ross qal li fil-laqgħa li kien preżenti għaliha hu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita Harald Rösch irrikonoxxa li dan l-inċident seħħ minħabba nuqqas tagħhom u għalhekk offrew li jħallsu għar-restawr.
Pace Ross qal li dan huwa pass pożittiv u f’isem il-Kurja apprezza l-fatt li l-istatwa se tiġi rrestawrata fl-istat oriġinali.
Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet Dun Karm Busuttil qal li din kienet “grazzja minn Alla li l-problema ġiet riżolta”. Spjega li l-Kap Eżekuttiv tal-Melita ddispjaċihom ta’ li ġara u qalu li kien inċident u ma kienx hemm intenzjoni.