Il-Mein Schiff 2 se jibda jitlaq u jispiċċa Malta

Mis-sena d-dieħla, il-cruiseliner Mein Schiff 2 se jibda programm ta’ cruises, bil-vapur se jibda jitlaq mill-Port il-Kbir. 
Dan ifisser li t-turisti mhux se jieqfu f’Malta għal ftit ħin, iżda l-kumpanija Ġermaniża TUI Cruises se tibda tuża lil Malta bħala l-port tat-tluq. 
Il-Mein Schiff 2 se jibda jitlaq minn Malta fit-8 ta’ Mejju li ġej u se jibqa’ għaddej sas-16 ta’ Ottubru. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-vapur stess, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, qal li f’dawn l-aħħar sitt snin, din il-kumpanija ġabet lejn Malta madwar kwart ta’ miljun passiġġier. 
Il-Ministru enfasizza li l-cruiseliners iġiegħlu l-passiġġiera abbord jieħdu ftit togħma ta’ x’joffru l-gżejjer Maltin, bit-tama li dawn jerġgħu jiġu għal btala itwal u eventwalment ikunu qed idawru aktar is-settur turistiku. 
Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern hu kommess li jinvesti aktar fl-infrastruttura tal-Port il-Kbir sabiex jilħaq il-ħtiġijiet tas-settur tal-cruiseliners.
Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott