Il-Mediterran joqrob lejn kriżi ta’ immigrazzjoni

Read in English.

Is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran tidher li qed tilħaq il-livell ta’ kriżi, issa li l-Libja, l-Italja u Malta kollha ddikjaraw li ma jistgħux jaċċettaw iżjed immigranti. Ir-raġuni tal-Libja hija minħabba l-gwerra, filwaqt li r-raġuni tal-Italja u Malta hija l-imxija tal-coronavirus.

Il-Prim Ministru Robert Abela llejla qal li s-sitwazzjoni fil-Libja hija ta’ tħassib u ta’ xokk, iżda jeħtieġ li l-Gvern Malti jipprijoritizza s-saħħa peress li m’għandux biżżejjed riżorsi.

Iżjed dgħajjes javviċinaw iż-żona ta’ salvataġġ Maltija

Intant, sorsi infurmati stqarrew ma’ Newsbook.com.mt li dgħajjes b’400 immigrant abbord qegħdin javviċinaw iż-żona ta’ salvataġġ Maltija. L-informazzjoni mogħtija taqbel ma’ rapport mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni li jgħid li aktar minn 500 immigrant telqu mil-Libja din il-ġimgħa fi triqithom lejn l-Ewropa.

Il-Prim Ministru stess qal li l-lejl li ġej mhux se jkun wieħed ta’ rqad għalih u għall-Forzi Armati ta’ Malta peress li jridu jissorveljaw l-ibħra Maltin biex jassiguraw li l-ebda bastiment bl-immigranti ma jisfida l-ordni li ma jistax jidħol Malta.

Is-sit elettroniku Relief Wed irrapporta li l-Libja qed tikkunsidra l-portijiet tagħha mhux siguri biex l-immigranti jinżlu fihom. Ir-rapporti jgħidu li sa 280 immigrant, fosthom nisa u tfal, li ntbagħtu lura l-Libja nhar il-Ġimgħa ma ngħatawx permess jinżlu. L-uffiċjali qegħdin jiġġustifikaw din id-deċiżjoni minħabba bombardiment qawwi ta’ bombi u armi tal-gwerra fil-port ewlieni ta’ Tripli.

Uffiċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni li jinsabu fuq il-post biex jipprovdu l-ikel u l-ilma kkonfermaw dan. Il-ħin impost fuq il-Libjani xħin iridu jkunu d-dar minħabba l-coronavirus jikkomplika l-affari.

Il-Gvern Taljan iddikjara l-portijiet tiegħu bħala mhux siguri minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Digriet ġdid iffirmat mill-Ministeri tal-Intern, tat-Trasport, tas-Saħħa u tal-Affarijiet Barranin jgħid li minħabba l-emerġenza, dgħajjes b’immigranti abbord li ġew salvati fil-Mediterran mhux se jitħallew jidħlu.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti

Ilbieraħ, il-Gvern Malti ddikjara li mhux se jitħallew jidħlu aktar immigranti, lanqas dawk salvati mill-NGOs, minħabba l-coronavirus.

Il-Prim Ministru llejla qal li din id-deċiżjoni hija waħda iebsa, imma kellha tittieħed minħabba ċ-ċirkustanzi u hija proporzjonata għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż.

Il-Gvern bagħat ittra lill-Kummissjoni Ewropea bil-pożizzjoni tiegħu. Abela qal li bħalma l-Kummissjoni rreaġixxiet biss b’solidarjetà u simpatija, l-istess se tirreaġixxi Malta.

Bżonn ta’ approċċ komprensiv

Il-Kap tal-Missjoni tal-IOM Libja Federico Soda qal li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin kif inhuma sejrin, u hemm bżonn ta’ approċċ komprensiv.

IOM qed tgħid li l-istati Ewropej iridu jaġixxu issa biex l-immigranti ma jibqgħux jittieħdu l-Libja u tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom.