Il-Mediterran jerġa’ jkun ċimiterju għall-immigranti

Il-baħar Mediterran għal darb’oħra reġa’ kien ċimiterju għall-immigranti li riedu jaqsmu lejn l-Ewropa.
Dan jirriżulta mir-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IMO) għall-2015.
L-IMO qed tbassar li matul l-2015 mietu mal-5,350 immigrant madwar id-dinja, li minnhom 3,770 mietu fil-Mediterran.
Għalhekk l-2015 kienet l-aktar sena fatali għall-immigranti u r-refuġjati li qasmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.
77% tal-imwiet seħħew fir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran fejn kienu nvoluti traffikanti tal-bnedmin mil-Libja.
21% tal-imwiet seħħew fil-lvant tal-Mediterran u dan meta fl-2014 kienu biss 1% l-immigranti li mietu fl-istess baħar.
L-aktar xahar li fih mietu immigranti fil-Mediterran kien April b’aktar minn 1,250 jitilfu ħajjithom u 800 minnhom imutu f’waħda mill-ikbar traġedji umani meta nqalbet id-dgħajsa li kienu fiha ‘l barra mill-kosta tal-Libja.
Dakinhar 28 biss irnexxilhom jaslu l-Italja.
Wara l-Mediterran, l-aktar postijiet fejn mietu immigranti u refuġjati kienu fix-xlokk tal-Ażja u l-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti.