“Il-Mediterran hu l-qalb tal-Ewropa” – Il-PM Taljan

Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi kif ukoll il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qalu li l-Mediterran hu "il-qalb" tal-Ewropa biex jistabbilixxi l-paċi u l-istabbiltà.
Waqt konferenza konġunta f'Kastilja bejn iż-żewġ Prim-Ministri, Renzi qal li l-Mediterran hu "Il-qalb u r-ruħ" tal-Ewropa.
Dwar l-immigrazzjoni illegali u l-istabbiltà fil-Libja, qal li dawn iridu jkunu indirizzati "mill-għeruq" billi jaħdmu għall-gvern t'unità nazzjonali fil-Libja. Qal li bħala politiku hu d-dmir tiegħu li jikkommetti lilu nniffsu kompletament kontra kwistjonijiet bħal intolleranza reliġjuża, qtugħ tal-irjus ta' persuni innoċenti u skjavitù minn gruppi estremisti.
Wissa wkoll li jekk l-Ewropa ma jirnexxilix tilħaq qbil mal-Libja, din tkun telfa għall-istituzzjonijiet tagħha u tibqa' b'theddida ta' sigurtà wara biebha. Semma wkoll kif is-sena l-oħra waslu l-Italja 160,000 immigrant waqt il-kriżi tal-vjolenza fil-Libja.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Malti qal li hu importanti li jkun hemm operazzjoni Ewropea u mhux operazzjoni li titmexxa minn pajjiż wieħed. Sostna li hu importanti wkoll li jikkonvinċu lill-komunità internazzjonali biex tieħu azzjoni għax jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, ir-rata ta' immigrazzjoni se tkompli tiżdied fix-xhur li ġejjin.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri