Il-martirju hu n-nifs tan-nisrani

Il-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tal-ġimgħa li għaddiet (Vatican Media)

Fl-udjenza ġeneral fil-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku poġġa l-figura ta’ San Pawl bħala mudell għall-insara u qal li t-tbatija, l-persekuzzjoni u l-martirju huma sinjal li nkunu qed insegwu l-passi ta’ Kristu.

Anke llum hawn insara li huma persegwitati jew emarġinati u hi grazzja li wieħed jagħti xhieda bil-martirju.

Il-Papa tkellem dwar “it-timbru tat-tbatija” li hu l-marka tal-ħajja ta’ San Pawl kif rakkuntata fl-Atti tal-Appostli. Pawlu kien missjunarju li mhux biss Evanġelizza lill-pagani imma wkoll xempju tat-tbatija ta’ Kristu Rxoxt.

Il-passjoni ta’ Kristu u San Pawl

Mal-wasla tiegħu f’Ġerusalemm, Pawlu ntlaqa’ b’ “mibegħda feroċi” bin-nies jgħidu li kien persekutur li mhux ta’ min jafdah. Kif kienet għal Kristu, Ġerusalemm kienet ostili wkoll għal Pawlu. Ittieħed lejn it-tempju biex ikun imħaġġar imma kien salvat mis-suldati Rumani. Kien akkużat li għallem affarijiet kontra l-liġi u kontra t-tempju, kien arrestat u beda l-vjaġġ tiegħu bħala priġunier quddiem diversi awtoritajiet tar-reġjun.

Il-Papa ġibed l-attenzjoni għax-xebħ bejn San Pawl u Ġesù Kristu. It-tnejn mibgħuda mill-avversarji tagħhom, akkużati pubblikament u t-tnejn instabu nnoċenti mill-awtoritajiet Rumani; Pawlu hu assoċjat mal-passjoni tal-Imgħallem tiegħu u l-passjoni tiegħu ssir Evanġelju ħaj.

Il-Martri tal-lum

Il-Papa nnota li anke llum hawn insara li qed isofru minħabba Kristu. Qal li eżatt qabel dik l-udjenza kien iltaqa’ ma’ grupp ta’ persuni mill-Ukrajna li sofrew għall-Evanġelju bla ma bidlu l-fidi tagħhom.

“Illum, fid-dinja, fl-Ewropa, ħafna nsara huma persegwitati u jagħtu ħajjithom għall-fidi tagħhom, jew huma persegwitati bl-ingwanti, jiġifieri huma mwarrba u emarġinati. Il-martirju hu l-arja li minnha jieħu n-nifs in-nisrani, l-arja tal-komunità nisranija”, sostna l-Papa Franġisku.

“Fostna dejjem se jkun hawn il-martri: dan hu sinjal li qed nimxu fit-triq ta’ Kristu. Din hi grazzja minn Alla, li fost in-nies tiegħu ikun hemm min jagħti xhieda bil-martirju”, żied jgħid il-Papa.

Xhud tal-fidi

Meta kien imsejjaħ biex jiddefendi ruħu mill-akkużi quddiem ir-Re Agrippa, l-apoloġija ta’ San Pawl kienet xhieda effettivi tal-fidi tiegħu. Il-Papa fakkar lill-udjenza li Pawlu rrakkonta kif ikkonverta u kif Kristu afdalu l-missjoni li jevanġeliżża n-nazzjonijiet.  Fil-qadi ta’ din il-missjoni, l-Appostlu wera kif il-profeti u Mose kienu ħabbru li Kristu jrid isofri u li “bħala l-ewwel wieħed li jqum mill-mewt, kien se jġib id-dawl lill-poplu u lill-Ġentili”. Ix-xiehda ta’ Pawlu messet qalb ir-Re li ma kienx kapaċi jieħu deċiżjoni finali u qallu “Dalwaqt tipperswadini biex insir nisrani”.

Ktajjen

Pawlu kien dikjarat innoċenti, iżda ma setax jinħeles għax kien appella lill-Imperatur Ruman. Għalhekk il-vjaġġ tal-Kelma t’Alla kompla sejjer sa Ruma fejn Pawlu spiċċa bil-ktajjen.

Il-Papa nnota li minħabba f’hekk, Pawlu hu mpinġi bħala priġunier u l-ktajjen tiegħu huma sinjal tal-fedeltà tiegħu lejn l-Evanġelju u xiehda ta’ Kristu Rxoxt. “Għal San Pawl”, kif jinnota l-Papa Benedittu XVI, “il-fidi mhix teorija jew opinjoni dwar Alla u l-Kelma tiegħu, imma hi l-impatt tal-imħabba t’Alla għalih u l-imħabba tiegħu lejn Alla”.

Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu fl-udjenza billi ħeġġeġ lill-insara biex jitolbu li jkollhom il-grazzja li jipperseveraw fil-fidi minkejja d-diffikultajiet u jaraw kollox bl-għajnen tal-fidi u jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom bħala dixxipli u missjunarji tal-Mulej.