Il-Marsin b’numru ta’ attivitajiet għall-Ġimgħa l-Kbira

Il-Pageant Group Marija Reġina tal-Marsa se jkun qed jorganizza s-47 edizzjoni tal-Pageant madwar it-toriq tal-Marsa, li fih sejrin jieħdu sehem madwar 250 persuna. Bħal kull sens din se ssir nhar Ħadd il-Palm, 9 ta’ April.
Il-pageant jibda fis-5.30pm bil-parata tas-suldati Rumani minn ħdejn il-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini fi Triq Azzopardi għal quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Reġina fi Triq Nerik Sacco, fejn issir il-kundanna għall-mewt ta’ Ġesù Kristu minn Pilatu fil-preżenza tal-Qassisin il-Kbar, waqt li jkun meħlus Barabba mill-ħabs. Wara jsir il-ħruġ tal-personaġġi mill-Knisja
Fil-mixja tal-pageant jieħdu sehem iż-żewġ Baned  Marsin, Marija Reġina u Trinità Qaddisa, bid-daqq ta’ marċi funebri. Jagħtu wkoll is-sehem tagħhom il-Marsa Scout Group u l-Banda tar-Rumani tal-istess Pageant Group.
Il-pageant jilħaq il-qofol tiegħu fuq palk armat apposta fejn issir ir-rappreżentazzjoni tat-tisliba, id-difna u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Din is-sena, il-Pageant Group qed itella’ wkoll il-28 edizzjoni tal-Wirja Artistika ta’ xogħol maħdum b’melħ ikkulurit fi kwadri u platti. Il-wirja, li qiegħda ssir fis-sala ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Reġina, tiftaħ kuljum  sa Sibt il-Għid, 15 ta’ April, mis-6.00 sal-10.00 pm.
Wieħed se jkun jista’ jżuraha wkoll f’Ħamis ix-Xirka mid-9.00 am. sa 12.00 pm. u mis-6.00 pm. sa 12.00 am., kif ukoll nhar il-Ġimgħa l-Kbira, mit-8.00 am sal-4.30 pm.
Għall-ewwel sena, il-Kumitat Festi Esterni Marija Reġina se jippreżenta l-ewwel edizzjoni taċ-Ċenaklu Ħaj.
Ir-rappreżentazzjonijiet taċ-Ċenaklu Ħaj, se ssir:

  • It-Tnejn 10 u t-Tlieta 11 ta’ April, fis-7.00pm.
  • L-Erbgħa, 12 ta’ April, fis-7.00p.m. u fit-8.00 pm.
  • F’Ħamis ix-Xirka fis-7.30pm, fit-8.30 am, fid-9.30 pm u fl-10.30 pm.
  • Nhar il-Ġimgħa l-Kbira fid-9.00 am, fl-10.00 am, u fil-11.00 am,
  • Fil-ħinijiet l-oħra, il-maħżen tal-armar se jkun miftuħ bil-Mejda tal-Appostli armata fuq stil Lhudi flimkien ma’ xi statwi ta’ daqs uman.

Intant, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa se tippreżenta s-sitt edizzjoni tal-kunċert ta’ Mużika Sagra, “Pie Jesu”. Il-kunċert se jittella’ nhar it-Tnejn 10 ta’ April, fis-7.00 p.m., fil-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa.