Il-Marsa-Ħamrun Bypass se jkun magħluq illejla

DOI - Clifton Fenech

Il-bypass tal-Marsa u tal-Ħamrun se jkun magħluq għat-traffiku llejla.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta qalet li din se tingħalaq bejn is-7 pm u l-5 am sabiex jitlesta t-tqegħid ta’ wiċċ ġdid għat-triq. Minħabba dawn ix-xogħlijiet, il-mina ta’ taħt ir-roundabout tal-Università u l-mina ta’ Santa Venera li jgħaqqdu l-Pont tal-Kappara ma’ Triq Reġjonali u mal-Bypass tal-Marsa u tal-Ħamrun, fid-direzzjoni tal-Marsa, se jkunu magħluqa mis-7 pm ukoll.

Is-saff finali ta’ asfalt kellu jsir it-Tlieta 2 ta’ Ottubru, iżda minflok se jsir illejla sabiex jiġi skansat il-maltemp imbassar għal aktar tard din il-ġimgħa. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-pont tal-Kappara se jkunu ggwidati jitilgħu lejn ir-roundabout tal-Università u jgħaddu mill-Imsida u Triq Diċembru 13, il-Marsa. Dawk li jkunu ġejjin minn Triq Salvu Psaila, Birkirkara, lejn Triq Reġjonali, jistgħu jgħaddu minn Santa Venera u l-Ħamrun, filwaqt li dawk li jkunu għaddejjin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż mill-Mrieħel Bypass, għandhom imorru lejn Ħal Qormi u Ħal Luqa.

Infrastructure Malta qalet li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jevita r-rotta lejn in-nofsinhar tal-pajjiż bejn il-pont tal-Kappara, Triq Reġjonali u l-Marsa-Hamrun Bypass, billi juża rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa. Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta se jkunu fl-inħawi matul il-lejl sabiex jgħinu lil dawk li jkunu f’diffikultà.