Jaħrab minn Malta l-Libjan li pprova jwettaq abort fuq is-sieħba tiegħu

Il-Libjan li allegatament prova jwettaq abort fuq is-sieħba Marokkina, ma’ gazzetta Libjana The Observatory ċaħad l-akkuża iżda ammetta li sawwatha meta kienet tqila.
Ashref Ammar Marghami ta’ 33 sena pprova jwettaq abort id-dar fuq is-sieħba tiegħu, Marokkina ta’ 33 sena wkoll, iżda ħarab minn fuq il-post wara li bidel fehmtu. Sussegwentament il-Pulizija bdiet tfittxija estensiva għalih, iżda dan ħarab minn Malta.
Is-sit Breaking News Live qed jirrapporta li Marghami tkellem mal-gazzetta Libjana msemmija hawn fuq.
Huwa qalilhom li kien ippropona lis-sieħba Marokkina biex jiżżewġu, wara li sar jaf li kienet tqila. Madankollu l-mara rrifjutat li tiżżewġu, kif ukoll avżatu li kif tiskadhielha l-visa biex tibqa’ Malta kien beħsiebha li tmur Franza, twelled it-tarbija hemmhekk u trabbiha hi. Iżda l-Libjan ma xtaqx li t-tarbija tkun illeġittima u titla’ mingħajr missier.
Marghami ddeskriva lis-sieħba bħala saħħara li tisraq lit-trabi. Huwa allega wkoll li l-Marokkina għandha tliet ċittadinanzi, waħda Franċiża, oħra Marokkina u fl-aħħar nett Libjana.
L-inċident seħħ fit-2 ta’ April f’appartament is-Swieqi. Il-Libjan qal lill-gazzetta Libjana li qabel ma ġara dak li ġara, kellu ġlieda taħraq mas-sieħba tiegħu, u kien hawn xħin beda jagħtiha fl-istonku.
Lil ġurnal lokali, il-Marokkina kienet qalet li l-Libjan ma kienx waħdu, u kienet identifikat tlitt irġiel oħra li attakkawha mas-sieħeb tagħha. Hija tat isem żewġ persuni mit-tlieta l-oħra, Tarek u Imad. Madankollu l-Libjan qal lill-gazzetta Libjana li huma ma kellhom x’jaqsmu xejn u ma ndaħlux fil-biċċa.
Ftit jiem biss wara l-inċident tat-2 t’April, il-mara kienet korriet.
L-allegat aggressur hu magħruf mal-Pulizija, u għalhekk inħareġ ukoll mandat internazzjonali għalih, bil-Europol tassisti fil-ħidma biex jinqabad u jgħaddi ġuri.