Il-Marokk jarresta suspettat marbut mal-attakki ta’ Pariġi

Il-Marokk ħabbar li arresta Belġjan, ta’ oriġini Marokkina, suspettat li kellu x’jaqsam mal-attakki ta’ Novembru f’Pariġi.
Ir-raġel miżmum mill-Pulizija jidher li kien ingħaqad mat-terroristi al-Nusra fis-Sirja qabel ingħaqad mal-Istat Iżlamiku. 
Skont il-Marokk, is-suspett tal-awtoritajiet hu li r-raġel kellu rabtiet diretti ma' min spara u ppjana l-attakki ta' Novembru, li ħallew 130 vittma. 
Ir-raġel inżamm qrib Casablanca, nhar il-Ġimgħa, wara li vvjaġġa mis-Sirja lejn it-Turkija, il-Ġermanja, il-Belġju u l-Olanda. 
L-awtoritajiet Marokkini ħarġu biss l-inizjali ta' isem ir-raġel, miktuba bl-Għarbi u li jistgħu jinqraw jew GA jew JA. Sostnew li r-raġel ivvjaġġa lejn is-Sirja ma' wieħed mit-terroristi ta' Saint-Denis li wettqu attakki suwiċida.
Il-Pulizija Franċiża għamlet rejd f'appartament f'Saint-Denis, jiem wara l-attakki tat-13 ta' Novembru, fejn sabu lill-moħħ tal-attentat, Abdelhamid Abaaoud, kuġintu u raġel ieħor li sploda ċ-ċinturin bl-isplussiv. Il-Pulizija Franċiża żvelat isem dan tal-aħħar, il-ġimgħa li għaddiet, bħala Chakib Akrouh, imwieled il-Belġju fis-sena 2000 minn ġenituri Marokkini. Hu kien identifikat b'DNA minn ommu.