“Il-priġunieri se jitħallsu skont proċeduri normali”

Il-Fondazzjoni Marigold qalet li l-priġunieri se jitħallsu skont proċeduri normali u kkonfermat li l-aħħar pagament sar fit-23 ta’ Frar li għadda.
Qalet li rapporti minn gazzetta partikolari kienu biss immirati li jagħtu informazzjoni ħażina lill-pubbliku b’rabta mal-proġett Love Faith Forgiveness.
Il-Fondazzjoni kompliet l-istqarrija billi wieġbet għall-fatti kollha kif ġraw li ma kinux jaqblu mal-allegazzjonijiet li ħarġu fl-aħħar jiem.
Dwar l-allegazzjoni li l-priġunieri huma dovuti aktar minn €16,000 għax-xogħol li għamlu, l-Fondazzjoni qalet li mill-bidu tal-proġett, il-priġunieri tħallsu €14,700, bl-aħħar pagament sar fit-23 ta’ Frar li għadda. Sostniet li l-flus għax-xogħol li sar wara u li għad irid isir għadhom ma tħallsux u se jitħallsu skont il-proċeduri normali.
Sostniet ukoll li l-ħlasijiet isiru skont il-valur tas-suq u mhux veru li l-priġunieri jitħallsu inqas minn dan il-valur.
Il-Fondazzjoni uriet id-diżappunt tagħha permezz ta’ stqarrija li fiha qlet li numru ta’ rapporti li dehru fil-midja kienu qed jiġu interpretati b’mod ħażin.
Qalet li l-proġett mal-ħabsin Love Faith Forgiveness mhux amministrat minn NGO imma mill-Fondazzjoni stess għax taqa’ taħt l-għanijiet tagħha li tassisti lil dawk li jġibu l-quddiem lis-soċjetà.
Dan il-proġett qed jitħaddem fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bl-għan li numru ta’ priġunieri jakkwistaw ħiliet biex ikunu jistgħu jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità.
Aktar kmieni din il-ġimgħa ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat ċaħdet li l-ħabsin qed ikunu sfruttati u qalet li qed jitħallsu l-istess bħalma  kieku qed jaħdmu barra mill-ħabs.
Allegazzjonijiet oħra kienu jinvolvu priġunieri li ħarġu mill-ħabs u għadhom ma tħallsux, iżda l-Fondazzjoni qalet li tnejn li ħarġu f’Ottubru u Diċembru li għadda tħallsu l-paga sħiħa. Kuntrarju għal dan, priġunier ieħor li ħareġ fi Frar għadu ma tħallasx minħabba li l-kordinattriċi tal-proġett, Mary Grace Pisani, ma tħallitx tidħol il-ħabs minħabba raġunijiet ta’ saħħa b’rabta mal-virus H1N1.
Fost l-oħrajn l-istqarrija ssemmi li l-purtieri ma nbiegħux u teżisti dokumentazzjoni sħiħa dwar il-ħidma u l-ħlas lill-priġunieri.
L-editorjal ta' Newsbook.com.mt jitratta s-sitwazzjoni fittizja li mart il-Prim Ministru talbet skuża lill-ġurnalisti għall-mod kif ġabet ruħha magħhom l-aħħar darba li ltaqgħet magħhom.