Il-marda tal-Lyme ma waslitx Malta; allarm fl-Ewropa

Filwaqt li fl-aħħar xhur kien hemm allarm Ewropew dwar il-mod kif qed tinxtered il-marda tal-Lyme, li toriġina mill-qurdien, jidher li din ma waslitx f’Malta.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt Dr Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. Hi sostniet li s’issa għad ma kien hemm l-ebda tip ta’ allarm li din il-marda jista’ jkun qed tinfirex f’Malta.

X’inhi din il-marda?

Il-marda tal-Lyme hija infezzjoni kkawżata minn batteri li jiġu trażmessi lill-bnedmin minn gidma ta’ qurdiena infettata. Il-qurdiena tinfetta ruħha meta tiekol minn xi ġurdien jew ċerva. Sabiex il-marda tiġi trażmessa, il-qurdiena trid tkun ilha preżenti fuq il-ġilda tal-persuna bejn 24 u 48 siegħa.

Din il-marda kienet irrappurtata l-ewwel darba f’Connecticut fl-1975. Din hija l-iktar marda komuni li ġejja mill-qurdien fl-Ewropa u f’ħafna żoni fl-Istati Uniti. Persuni li huma f’riskju ta’ din il-marda ġeneralment jgħixu f’foresti u żoni b’ħafna siġar. Persuni li għandhom pets li jħalluhom jiġru fil-foresti u żoni bis-siġar huma wkoll f’riskju akbar li taqbadhom din il-marda.

MEPs Ewropej inkwetati dwar it-tixrid tal-Lyme

Intant fl-aħħar xhur, il-Membri Parlamentari Ewropej esprimew l-inkwiet tagħhom dwar il-mod allarmanti kif din il-marda qed tinxtered fl-Unjoni Ewropea. Jidher li bħalissa, hawn madwar miljun ċittadin Ewropew affettwat.

L-MEPs tkellmu dwar il-bżonn li l-Kummissjoni Ewropea taħdem fuq pjanijiet għall-protezzjoni minn din il-marda hekk kif hemm riskju ta’ epidemija silenzjuża. Jidher ukoll li hemm nuqqas kbir ta’ statistika dwar din il-marda, kif ukoll bosta definizzjonijiet għaliha li ma jagħmluhiex faċli li wieħed jinduna li għandu din il-marda u immedjatament jingħata t-trattament neċessarju. Skont l-MEPs, din il-marda hija wkoll diffiċli li tiġi skoperta mit-tobba minħabba li s’issa jidher li għad m’hawnx testijiet speċifiċi għaliha.