Il-mard sesswali żdied b’60% fl-aħħar 5 snin

Miguela Xuereb

Read in English.

Minn figuri ppubblikati fil-Parlament mill-Ministu għas-Saħħa Chris Fearne jirriżulta li l-mard trasmess sesswalment żdied b’60 fil-mija fl-aħħar ħames snin.

Għal serje ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il- Ministru wieġeb li fl-2019 biss kien hemm 7,469 persuna li żaret l-GU Clinic biex tittratta mard transmess sesswalment. Minn dawn, 4,058 fl-2019 kienu irġiel. L-eterosesswali kienu 4,472 waqt li l-omosesswali kienu 1,853. L-aktar marda komuni kienet l-HPV.

Fearne stqarr li persuna tista’ tattendi l-GU Clinic għal aktar minn darba kif fil-fatt jiġri spiss.

Mistoqsi wkoll minn Buttigieg liema mard ġie trasmess waqt żjara f’massage parlours’, Fearne qal li l-GU Clinic iżżomm informazzjoni relatata mat-tip ta’ kuntatt sesswali li kellu l-pazjent u mhux fejn sar il-kuntatt.

Fl-2015 kien hemm 4,504 attendenzi fil-GU Clinic, fl-2016 6,022, fl-2017 6,277, fl-2018 7,218 filwaqt li fl-2019 kien hemm 7,469. Dawn l-attendenzi fost oħrajn jinkludu diversi trattamenti, testijiet u konsultazzjonijiet.

Minn dawn l-attendenzi fl-2015 kien hemm 1,132 li kienu nisa u 1,615 li kienu irġiel, l-2016 1,355 nisa u 2,044 irġiel, fl-2017 2,038 nisa u 3,826 irġiel, fl-2018 2,197 nisa u 4,058 irġiel filwaqt li fl-2019 kien hemm 2,172 nisa u 4,227 irġiel.

Fl-2015, minn dawk li attendew kien hemm 2,248 li kienu eterosesswali u 488 li kienu omosesswali, fl-2016 eterosesswali kien hemm 2,628 u 572 omosesswali, fl-2017 4,327 eterosesswali u 1,534, fl-2018 4,449 eterosesswali u 1,806 u fl-2019 kien hemm 4,472 li kienu eterosesswali u 1,853 li kienu omosesswali.