Il-marċi mhumiex responsabbiltà tal-Knisja

Il-Knisja f’Malta sostniet li għal din is-sena qed torganizza l-festa fil-parroċċi u fi knejjes oħra b’quddiesa u pellegrinaġġ biss. Sostniet li attivitajiet oħrajn bħalma huma l-marċi, mhux responsabbiltà tagħha.

Fi stqarrija, il-Knisja f’Malta sostniet li l-marċi huma responsabbiltà tal-entità li torganizzahom u tal-awtorità ċivili li tawtorizzahom. F’dan il-każ, il-każini tal-banda u l-pulizija.

Il-Knisja f’Malta appellat biex kulħadd josserva b’attenzjoni d-direttivi dwar il-prevenzjoni tal-COVID-19 għall-ħarsien tas-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Dan jgħodd ukoll għall-Quddies fil-knejjes.

Fl-aħħar jiem Malta rat żieda ta’ każi tal-coronavirus. Filwaqt li fil-maġġoranza tagħhom kien irrappurtat li kienu relatati mal-party li sar fil-lukanda tar-Radisson f’San Ġiljan, jidher issa wkoll li kien hemm każi relatati wkoll ma’ marċi tal-festi.

Propju llum, l-awtoritajiet tas-saħħa żvelaw li persuna pożittiva għall-coronavirus attendiet avvenimenti relatati mal-festa ta’ Santa Venera. L-avvenimenti jinkludu li marret il-każin tal-banda nhar it-22 ta’ Lulju u l-marċ tal-banda tal-Ħamis 23 ta’ Lulju.