Il-maratona Oħloq Tbissima se ssir b’differenza minħabba l-pandemija

Read in English.

Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-maratona annwali Oħloq Tbissima se ssir xorta waħda, iżda se ssir b’differenza.

F’din it-18-il edizzjoni, il-maratona se ssir fl-istudjows ta’ CPi Media fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju.

Barra li mhux se ssir fil-bitħa bħas-soltu, se tkun mifruxa fuq inqas ħin – ix-xandir se jsir mill-5pm sa nofsillejl fit-tlett ijiem li fihom se tittella’ l-maratona.

Għall-kuntrarju ta’ snin oħra, fejn is-soltu fuq il-palk kien ikun hemm ħafna żfin minn tfal u adulti, minn kumpaniji lokali rinomati ta’ żfin, u logħob ma’ atturi, preżentaturi u ħafna kantanti tfal u kbar, din is-sena, fl-istudjow se jkun hemm żewġ skrins kbar. Fuq wieħed se jintwerew clips li bagħtu l-missjunarji, u fuq ieħor se jintwera bord b’madumiet li jirrappreżentaw familji fil-Perù, fil-Pakistan u fil-Filippini.

Ġie spjegat fi stqarrija li l-bord se jirrappreżenta ikel għal 450 familja għal sitt xhur. Pleġġ ta’ €200 tkun qed titma’ persuna minn dawn il-familji, pleġġ ta’ €500 tkun qed tgħin biex titma’ familja, donazzjonijiet oħra se jkunu qed jikkontribwixxu biex dawn il-familji jingħataw l-ikel. Min imur fid-Dar ta’ San Ġużepp jew iċempel u jagħmel pleġġ ta’ €200 jew aktar se jingħata ritratt bit-tfal fqar li qed jiġu megħjuna kontinwament mill-patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. 

Il-qofol tal-maratona se jkun il-filmati li qed jibagħtu l-missjunarji mill-Perù, mill-Pakistan u mill-Filippini dwar l-eluf ta’ nies li jinsabu bla xogħol minħabba li ilhom magħluqin fid-djar tagħhom għal dawn l-aħħar tliet xhur, u li minħabba f’hekk ma għandhomx flus biex imqar ikollhom biex jixtru x’jieklu.

Il-Maltin u l-Għawdxin huma mħeġġin biex jagħmlu kontribuzzjoni tul il-maratona biex dawn il-missjunarji jkomplu jsostnu lil tant familji fil-bżonn.

Wieħed jista’ jagħmel il-kontribuzzjoni tiegħu minn issa billi jċempel fuq 51002031 għal donazzjoni ta’ €20 jew 51902080 għal donazzjoni ta ‘ €50. Jista’ wkoll jibgħat sms fuq 50619285 għal donazzjoni ta’ €11.65. Wieħed jista’ wkoll jagħmel id-donazzjoni tiegħu mis-sit elettroniku.

Il-maratona Oħloq Tbissima se tixxandar live fuq Fliving, u għal bosta ħinijiet fuq l-istazzjonijiet ONE u NET TV. Oħloq Tbissima se tkun qed tixxandar ukoll live fuq il-paġna ta’ Facebook.