Il-mara li ssawtet minn bouncer f’Paceville tisħaq li ntilfet l-evidenza tal-każ

Il-mara li ġimagħtejn ilu ssawtet minn bouncer waqt li kienet fi klabb tad-divertiment f’Paceville qed issostni li minħabba żbalji fil-proċedura, intilfet l-evidenza tal-każ u l-opportunità li jitressqu l-qorti l-persuni responsabbli.
F’ittra li bagħtet lill-Uffiċju tal-Prim Ministru, Michelle Sullivan saqsiet ukoll għalfejn ħadd ma kien arrestat f’dak il-lejl meta dawk li wettqu l-att kriminali kienu identifikati dak il-ħin stess. Fost mistoqsijiet oħra saqsiet ukoll għalfejn  ma reġgħetx semgħet mill-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan u għalfejn il-filmat tal-kameras tas-sigurtà ma ttiħidx għall-evidenza.
Michelle qalet li lejliet il-Milied, hi u l-ħabiba tagħha marru fil-post fejn seħħ l-inċident biex jidentifikaw lill-bouncer li kien xogħol dakinhar tal-inċident. Minkejja dan, Surġent qalilha li dakinhar kien hemm wisq nies fil-post biex ikunu jistgħu jidentifikawh.
Fis-27 ta’ Diċembru, Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Pulizija jsaqsihom kienx hemm min kien arrestat f’relazzjoni ma’ dan il-każ, iżda l-unika tweġiba li ħa kien imejl li rċieva jumejn wara fejn il-Pulizija qalet li l-każ għadu qed jiġi investigat.