“Il-mara biss tista’ tiddeċiedi fuq l-abort” – Joseph Muscat

Joseph Muscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhuwiex favur l-abort imma ma jistax jiddeċiedi għan-nisa hu.

Dan qalu waqt intervista li saritlu minn Mark Laurence Zammit fuq il-programm L-Erbgħa fost il-Ġimgħa fuq TVM. Nhar it-Tnejn li għadda, Muscat irreżenja minn Membru Parlamentari u b’hekk temm il-karriera politika tiegħu.

Muscat spjega li jemmen li għandha tkun il-mara li tiddeċiedi fuq il-futur tagħha, għalkemm qal li dan hu suġġett li jirrikjedi diskussjoni li tieħu fit-tul. L-eks PM qal li għandha tkun l-omm biss li tiddeċiedi u li l-missier m’għandux jintervjeni fid-deċiżjoni. Mistoqsi fuq id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf, Muscat kien evażiv. Stqarr li din mhix deċiżjoni ta’ iswed jew abjad, imma tinvolvi ħafna ħsieb.

Semma bħala eżempju li jekk waħda minn uliedu, li għadhom kemm għalqu 13-il sena, tgħidlu li nqabdet tqila bla ħsieb ta’ 18-il sena jew aktar, hu jappoġġja d-deċiżjoni tagħha jekk din tiddeċiedi li trid tneħħi t-tarbija, u għalhekk, ikun lest imur kontra l-liġi.

F’Jannar ta’ din is-sena, fl-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, Muscat tkellem b’tali mod li diversi persuni ħasbu li se jibda jaħdem biex l-abort jiġi introdott f’Malta.

Muscat kien qal li fil-qasam tal-libertajiet ċivili “fadlilna dibattiti kbar u delikati x’nagħmlu bħala soċjetà”. Huwa kompla jgħid li “dwar libertajiet ċivili fejn kull individwu, kull raġel u fuq kollox kull mara – dawn iridu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-libertà”.

Lura f’Jannar, ir-reazzjoni immedjata tal-Arċisqof Charles Scicluna kienet li min għandu “tassew għal qalbu l-aħjar interess u l-libertajiet ċivili tal-ġenerazzjonijiet futuri, imexxi ‘l quddiem kultura favur il-ħajja u mħabba responsabbli fejn id-drittijiet tat-trabi mhux imwielda jkunu promossi u protetti”.

Fuq din il-kwistjoni, il-Prim Ministru kurrenti Robert Abela kien qal li lest jopponi lil Joseph Muscat jekk dan għandu l-intenzjoni li l-abort isir legali.