Il-mappa tal-coronavirus turi l-aħħar żviluppi fl-Ewropa

Read in English.

Xjentisti mill-John Hopkins University qed ikomplu jaġġornaw il-mappa live dwar il-coronavirus madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa.

Il-mappa qed turi li hemm każijiet fl-Ażerbajġan, fl-Estonia, f’Belarus, f’Monaco, fil-Maċedonja ta’ Fuq, fid-Danimarka, fil-Belġju, u fil-Greċja fost pajjiżi oħra.

S’issa hemm 85,406 ta’ COVID-19 konfermati madwar id-dinja. Kien hemm 2,924 persuna li mietu. Sal-lum għadhom ma ġew reġistrati l-ebda każijiet tal-virus f’Malta.

Xjentisti ħolqu mappa li turi fejn qed ikun hemm każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja.

Intant, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li l-pubbliku se jiġi infurmat malli jkun hemm l-ewwel każ tal-COVID-19 f’Malta.

“Kulħadd qed jagħmel li jista’ f’dan iċ-ċirkostanzi u ħa rridu l-koperazzjoni tal-pubbliku. Aħna dejjem konna trasparenti mal-mezzi tax-xandir u pubbliku in ġenerali u hekk se nibqgħu. Barraminhekk għandna obbligu internazzjonali mal-international health regulations kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li jridu nirrapportaw kull każ,” qalet Prof. Gauci. Hi kienet qed titkellem fuq il-programm tal-103 The Newsbook Hour ma’ Fr. Joe Borg.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne inkoraġġixxa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprepara dak kollu li hemm bżonn sabiex malli toħroġ it-titqiba tal-COVID-2019, tkun tista’ tixtriha immedjatament.

Dan ħareġ fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għas-Saħħa. Fearne ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides, waqt laqgħa dwar kif l-Istati Membri jistgħu jikooperaw aħjar dwar il-coronavirus, fost suġġetti oħrajn.