‘Il-Mandraġġara’ tagħlaq sninha

Awguri lill-attriċi Anna Mercieca, li bosta jafu wkoll bħala Anna Dalli li llum qed tiċċelebra għeluq id-59 sena tagħha. Hija twieldet nhar it-2 ta’ Awwissu tal-1961.

Anna hija mill-Isla u hija bint Charles u Carmen Mercieca. Kienet tattendi l-iskola St Joseph ta’ Raħal Ġdid u wara tal-Blata l-Bajda. Hija omm ta’ żewġ ulied, Julia u Matthew.

Anna kienet tgħallem ir-reċtar f’diversi skejjel tad-drama u ħadmet ukoll f’numru kbir ta’ produzzjonijiet li ttellgħu fit-Teatru Manoel u fl-Istitut Kattoliku. Fost il-produzzjonijiet li ħadet sehem fihom insibu Scrooge, Ġesù ta’ Nażaret, Les Miserables, Madame X, Il-Fidwa tal-Bdiewa, Il-Parlament tan-Nisa, Is-Sabiħa Rieqda, Il-Ġiddieb kif ukoll l-operetti Il Paese Dei Campanelli u Il-Paese Dei Sorriso.

Bla dubju li Anna tibqa’ assoċjata mal-karattru ta’ Dola li hija interpreta fis-sensiela Il-Mandraġġara. Ħadmet ukoll f’sensiliet bħal Triq Waħda, Undercover, Inkwilini kif ukoll fil-film Malti Mera tal-Passat. Anna kienet ukoll is-stand in flok Catherine Zeta-Jones għall-film Christopher Columbus – The Discovery li kien inħadem f’Malta fl-1992.

F’Jannar tal-2016, Anna żżewġet lil Roberto Crema.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.