Il-MAM u l-Gvern: “Jitnaqqsu l-għoqod fil-pettne”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal lil Newsbook.com.mt qal b’rieda tajba min-naħa tagħhom u l-Gvern ma jdumx ma jiġi ffinalizzat kollox b’wiċċ il-ġid.
Sostna li għad fadal xi punti li jridu d-diskussjoni, iżda bosta mill-punti l-oħra jħoss li se jiġu riżolti fi żmien qasir.
Ix-xrar bejn il-MAM u l-Gvern kien qam meta tħabbar ħabta u sabta li l-VGH se tinbiegħ lil Steward Healthcare System, u dan se jieħu t-tmexxija tal-Isptar San Luqa, Karin Grech, u dak Ġenerali t’Għawdex.
Balzan kien qal li l-ftehim dwar l-isptarijiet innifsu huwa l-problema u mhux il-kumpanija Steward Healthcare.
Id-diżgwid kien anki wassal għal strajk fis-6 ta’ Frar.
Sadanittant, Balzan qal lil Newsbook.com.mt li lbieraħ filgħaxija damu sa tard billejl jiddiskutu mal-avukati tal-assoċjazzjoni, sabiex jaħdmu fuq il-verżjoni finali tal-ftehim ġdid.
“Iżjed ma mmorru, jitnaqqsu l-għoqod fil-pettne”, qal Balzan.
Balzan irrimarka li jittama li jkun hemm trasparenza dwar id-dokument finali, jiġifieri li l-Gvern jagħti l-permess tiegħu biex id-dokument jintwera lill-pubbliku.