Il-MAM u l-Gvern bdew jiltaqgħu

Illum qed ikomplu d-diskussjonijiet bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern wara li t-taħditiet dwar it-tobba kienu waqfu għall-perjodu tal-Għid.
Aktar kmieni, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan qal ma’ Newsbook.com.mt li fis-2pm se jkomplu t-taħditiet mal-Ministeru għas-Saħħa biex jiġi konkluż il-ftehim li kien ġie diskuss qabel il-vaganzi tal-Għid.
F’kummenti qosra huwa evita li jidħol fid-dettall tad-diskussjonijiet iżda qal li qed jistenna li l-ftehim jintħlaħaq illum.
Mistoqsi wkoll dwar il-laqgħa li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kellu f’Boston ma’ Steward Health Care, li hija l-amministrazzjoni l-ġdida ta’ tliet sptarijiet f’Malta, Balzan qal li bħala assoċjazzjoni kienu jafu b’din il-laqgħa iżda ma jafux bl-eżitu tagħha.
Għall-mistoqsija dwar jekk it-tobba u l-professjonisti humiex qed ilaħħqu mal-istudenti ta’ Barts Medical School fix-xogħol prattiku li jagħmlu fl-isptarijiet, Balzan qal li bħalissa, bl-ammont ta’ studenti preżenti, ma jidhirx li hemm problemi għax l-istudenti huma ftit.