Il-MAM twaqqaf id-direttivi għal ġimgħa biex il-Gvern jieħu azzjoni

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qiegħda twaqqaf id-direttivi tagħha għal ġimgħa billi mil-lum qiegħda tistenna li l-Gvern jieħu azzjoni deċiżiva.

Dan ħabbritu fi stqarrija dalgħodu li fiha qalet li huwa ta’ sfortuna li qiegħda tara l-konsegwenzi kollha li wissiet dwarhom iseħħu.

Il-MAM xebbhet il-festa tal-lum, ta’ Santa Marija, mal-iżjed “siegħa oskura” bl-ivvjaġġar limitat meta l-festa suppost tikkommemora tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija bil-Konvoj ta’ Santa Marija. L-Assoċjazzjoni saħqet li l-Gvern ma jistax jiċħad is-sitwazzjoni kurrenti, li l-każijiet kulma jmur qed jiżdiedu, u insistiet li miżuri effettivi tas-saħħa pubblika huma neċessarji.

Ilbieraħ ġew irreġistrati 31 każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ 54 pazjent biex it-total ta’ każijiet attivi issa huwa ta’ 505.

Issoktat tgħid li ma jistax ikun li f’epidemija jsiru parties, diskows, u n-nies imorru fil-klabbs, meta hemm nies morda ħafna fl-Isptar Mater Dei. Ikkundannat avvenimenti b’aktar minn 10 persuni bħala l-qofol tal-problema u tenniet li dawn għandhom jitwaqqfu immedjatament.

L-Assoċjazzjoni indirizzat ukoll il-pressjoni li qiegħda ssir mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) fuq l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Gvern u qalet li din wasslet għal “deċiżjonijiet sgwidati u konsegwenzi diżastrużi” fuq l-industrija tat-turiżmu u s-saħħa pubblika. Il-MAM semmiet kif ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kklassifikaw lil Malta bħala pajjiż mhux sigur fil-konfront tal-coronavirus, u skont il-MAM, dan daqslikieku taw lil Malta ċertifikat ta’ inkompetenza. Dawn id-deċiżjonijiet sgwidati, fi kliem l-Assoċjazzjoni, jinkludu li l-ajruport infetaħ kompletament, anke għal pajjiżi ta’ riskju għoli, mingħajr l-ebda prekawzjonijiet, il-promozzjoni tad-“delużjoni” li l-gwerra ntrebħet u l-promozzjoni ta’ attivitajiet tal-massa.

B’konsegwenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-każijiet tal-coronavirus qegħdin jiżdiedu, u l-għajxien ta’ ħafna ħaddiema u min iħaddimhom fis-settur tat-turiżmu jinsab f’riskju.

Għaldaqstant, il-MAM appellat lill-Gvern biex jagħraf l-iżbalji tiegħu u issa jimxi mal-pariri tal-esperti fis-saħħa pubblika, u jimxi fuq l-evidenza xjentifika. Biex jiġi evitat lockdown, irid ikun hemm tbegħid soċjali strett u lbies tal-maskri bi nfurzar strett ħafna, idealment b’multi maħruġin mill-Pulizija dak il-ħin stess, temmet tgħid il-MAM. Hija kkonkludiet li l-azzjonijiet tal-Gvern għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza ta’ suċċess tal-perjodu bejn Marzu u Mejju meta l-Maltin urew dixxiplina kbira.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn