Il-MAM trid li l-vaċċin jingħata aktar malajr

"B'din ir-rata l-poplu se jdum aktar minn 3 snin biex jitlaqqam"

l-ewwel vaċċin Għawdex infermiera covid19
DOI: Omar Camilleri

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) trid li l-vaċċin jingħata aktar malajr, u tkellmet f’isem il-professjonisti tas-saħħa li jinsabu diżappuntati għax diġà hemm aktar dożi tal-vaċċin minn biżżejjed fil-freezers sabiex jitlaqqmu huma kollha.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-MAM faħħret l-effettività tal-Gvern fl-ordnar tad-dożi tal-vaċċini differenti li hawn fis-suq kontra l-coronavirus, iżda esprimiet diżappunt fl-għanijiet ta’ tilqim li tħabbru lbieraħ, għaliex qalet li skont il-kalkoli tagħha, bir-rata li qed ilaqqam in-nies il-Gvern, il-poplu Malti se jdum aktar minn tliet snin biex jitlaqqam kollu.

Il-maġġoranza tal-professjonisti tas-saħħa qed iħossuhom diżappuntati peress li s’issa, persuna minn kull 10 ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin. Skont il-MAM, huma partikolarment diżappuntati għax jafu li l-Gvern għandu aktar dożi fil-freezers minn kemm hawn frontliners, allura hemm 19,000 vaċċin li jistgħu jingħataw imma mhumiex jintużaw. “B’organizzazzjoni siewja, il-professjonisti tas-saħħa kollha jistgħu jieħdu ż-żewġ dożi fl-erba’ ġimgħat li ġejjin,” saħqet il-MAM.

Apparti dan, il-MAM trid li l-popolazzjoni kollha titlaqqam malajr kemm jista’ jkun ħalli kulħadd ikun sigur u l-irkupru ekonomiku jibda mill-aktar fis.

X’tissuġġerixxi l-MAM?

L-assoċjazzjoni kkwotat figuri ppubblikati mit-Times of Malta lbieraħ li jikkwotaw lill-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li għandhom it-tir li jlaqqmu lil 5,000 persuna fil-ġimgħa. Dan, spjegat il-MAM, ifisser li l-poplu Malti jdum aktar minn tliet snin biex jitlaqqam kollu kemm hu.

Temmet tgħid li r-rati tat-tilqim għandhom ikunu limitati biss minn fatturi li jaffettwaw il-provvista u mhux minn ineffiċjenzi fl-organizzazzjoni lokalment.

Skont il-kalkoli tal-MAM, biex jitlaqqmu:

  • 6,000 frontliner f’ħames ġimgħat, iridu jingħataw 342 doża kuljum
  • Il-popolazzjoni adulta Maltija ta’ 500,000 f’ħames xhur, iridu jingħataw 5,333 tilqima kuljum
  • 70% tal-popolazzjoni biex tintlaħaq immunità tal-massa, iridu jingħataw 3,733 tilqima kuljum.

Dawn il-kalkoli jqisu li l-vaċċin jingħata s-Sibt u l-Ħadd u anke fil-btajjel pubbliċi.

Taqbel mal-MAM li l-vaċċin irid jingħata aktar malajr?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt