Il-MAM trid li l-Ministru tal-Ġustizzja jikkonsulta mat-tobba fuq il-liġi tal-ugwaljanza

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qablet ma’ dak li qal il-Kunsill Mediku li t-tobba m’għandhomx jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn fil-prattika medika jkollhom imorru kontra l-kuxjenza tagħhom, jew li jekk jeżerċitaw dan id-dritt tagħhom jafu jinstabu ħatja ta’ xi danni quddiem il-qorti. Hija qed tappella lill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis biex jikkonsulta mas-settur mediku fuq l-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza.

Fi stqarrija, il-MAM qalet li hija taqbel mal-prinċipji li hu msejjes fuqhom dan l-abbozz, imma jeħtieġ li jkun hemm emendi rigward il-possibbiltà li t-tobba joġġezzjonaw għal xi prattika li tmur kontra l-kuxjenza tagħhom, f’sitwazzjonijiet bħall-abort u l-ewtanażja.

Dan wara proposta tal-Kunsill Mediku sabiex l-oġġezzjoni tal-kuxjenza tissemma fil-liġi dwar l-ugwaljanza. L-Att dwar l-Ugwaljanza jinsab fi stadju avvanzat fil-Parlament għaliex jinsab għand il-Kumitat aġġunt għall-kunsiderazzjoni tal-liġijiet.

Il-MAM temmet tgħid li kull forma ta’ diskriminazzjoni għandha tkun ikkundannata, imma għandha ssir konsultazzjoni mat-tobba fuq il-kwistjoni sabiex sitwazzjonijiet inaċċettabbli fil-prattika medika jiġu evitati.

Il-Kamra tal-Ispiżjara wkoll semmgħet leħinha fuq il-kwistjoni, u qalet li l-ispiżjara se jiġu f’kunflitti serji jekk il-Gvern ma jemendax il-liġi proposta tal-ugwaljanza. Fis-sottomissjoni tagħha lill-Ministeru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, il-Kamra tal-Ispiżjara appellat biex tiddaħħal il-klawsola li tippermetti lill-ispiżjara biex jaġixxu skont il-kuxjenza.

Dak li qalet il-Kamra tal-Ispiżjara fuq il-kwistjoni
L-Ispiżjara f’kunflitti serji jekk ma tiġix emendata l-liġi tal-ugwaljanza

Taqbel mat-tobba?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt