Il-MAM tirtira d-direttiva fuq l-operazzjonijiet skedati

Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) se tirtira d-direttiva fuq l-operazzjonijiet skedati fil-faċilitajiet mediċi kollha minn nhar it-Tnejn li ġej. Id-direttivi fl-outpatients se jibqgħu fis-seħħ.

Il-MAM ħadet din id-deċiżjoni wara kuntatt personali mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Qalet li din id-deċiżjoni ħaditha bħala sinjal ta’ rieda tajba minkejja li ma qablitx kompletament mal-miżuri l-ġodda li qegħdin jittieħdu fit-trażżin tal-imxija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li tagħraf li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qegħdin jirrikonoxxu l-problema ta’ saħħa pubblika li tinsab fostna. Hija laqgħet il-miżuri tal-ilbies obbligatorju tal-maskri ġewwa u l-introduzzjoni ta’ multi u nfurzar dwar dan. Ħeġġet lill-Gvern sabiex jimponi r-regoli fuq il-kwarantina u l-multi marbutin magħha jekk ikun hemm bżonn. Apparti hekk, statistika regolari għandha tiġi provduta lill-pubbliku inġenerali.

Minkejja dan, il-MAM tenniet li ma taqbilx li jibqgħu jsiru attivitajiet tal-massa u li jitħallew sa 300 persuna jattendu. Skont l-unjin, huwa ċar li dawn il-parties mhux se jikkontrollaw l-imxija, imma jżidu t-tixrid tal-virus.

Dalgħodu l-MAM ħabbru li l-istrajk tat-tobba se jibqa’ għaddej. Sadattant, l-MUMN irtirat id-direttivi tagħha.

Malta llum kellha 49 każ ġdid tal-coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet huwa 311-il każ.