Il-MAM tippersisti; Il-Ministeru jgħid li mhix konsistenti

Il-Ministeru tas-Saħħa saħaq li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) mhix konsistenti fl-argumenti tagħha.
Il-Ministeru qal dan fi stqarrija wara li taħdidiet li saru llum mal-MAM, il-Gvern offra li jintwerew il-kuntratti kollha u sħaħ iffirmati bejn il-Vitals Global Healthcare (VGH) u l-Gvern, iżda s-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Martin Balzan allegatament irrifjuta l-istess stedina.
Kompla jgħid kif wara xhur tisħaq li ma tridx lill-VGH tmexxi l-isptarijiet Maltin minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza, il-MAM issa ma tridx li l-isptarijiet jaqgħu taħt it-tmexxija ta’ Steward Healthcare li “għandha esperjenza twila fil-qasam tas-saħħa”.
Minkejja dan, il-MAM iddeċidiet li tibqa’ għaddejja bl-azzjoni industrijali sabiex ma jseħħx it-trasferiment mill-VGH għal Steward Healthcare.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Unjin tat-Tobba spjegat li skont il-ftehim kollettiv, il-Gvern suppost infurmaha minn tal-inqas sitt xhur qabel meta kellu l-intenzjoni li jgħaddi s-servizz tas-saħħa b’xejn lill-kumpanija privata, u li qabel jittieħdu deċiżjonijiet kellu jintlaħaq qbil.
Sa issa, il-MAM għadha ma qalitx jekk l-azzjoni industrijali hux se tinkludi strajks għalkemm saħqet li t-trasferiment tal-isptarijiet mingħajr konsultazzjoni jmur kontra l-ftehim kollettiv.
Fl-istess stqarrija, il-Ministeru qal li l-Gvern se jkun qed jirriserva d-dritt li jieħu l-passi legali neċessarji fl-interess tal-pazjenti Maltin u Għawdxin li se jistgħu jkunu milquta minn dawn l-azzjonijiet.