Il-MAM tikkjarifika li mhi tieħu l-ebda azzjoni industrijali bħalissa

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ikkjarifikat li bħalissa, hija mhi għaddejja bl-ebda azzjoni industrijali.

Fi stqarrija qasira dalgħodu, il-MAM qalet li hi m’għandha l-ebda direttivi fl-Isptar Mater Dei jew fl-ebda parti oħra tas-servizz tas-saħħa.

L-Assoċjazzjoni spjegat li jekk bħalissa qegħdin jitħassru xi operazzjonijiet, dan jaf ikun minħabba azzjoni industrijali meħuda minn xi unjin oħra. Saħqet li dan mhuwiex fil-kontroll tagħha.

F’Awwissu, il-MAM kienet għaddejja b’azzjoni industrijali biex turi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjonijiet li kienu qegħdin jittieħdu fil-konfront tat-tieni mewġa tal-coronavirus f’Malta, iżda dawn waqqfithom f’nofs ix-xahar sabiex tippermetti lill-Gvern jieħu azzjoni.

Sadattant, il-UĦM – Voice of the Workers kienet għaddejja b’azzjoni industrijali hi stess dwar ftehim settorjali li ma kien hemm l-ebda żviluppi dwaru. Fl-20 t’Awwissu, iżda, il-UĦM issospendiet id-direttivi b’sens ta’ rieda tajba, għal ġimagħtejn.