Il-MAM tiddikjara tilwima industrijali mill-Ħamis

"Inaċċettabbli li konsulent ikun trasferit għax esprima l-opinjoni tiegħu"

Dr-Martin-Balzan-MAM-6
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) iddikjarat tilwima industrijali li tibda għada l-Ħamis, għax tqis li hu inaċċettabbli li konsulent mediku ngħata trasferiment għax esprima l-ġudizzju professjonali tiegħu.

Il-kwistjoni hija dwar Dr Kenneth Grech li tneħħa mill-irwol ta’ kordinatur tal-Covid-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika, wara li rrakkomanda kawtela dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-btajjel tal-Milied. Dan, skont il-MAM, wassal biex l-għalliema strajkjaw għal jumejn. Il-Gvern ċaħad dan.

Il-Ministeru għas-Saħħa spjega li esperti mediċi li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 xogħolhom kellu jitwarrab għall-ġenb biex jiffukaw fuq il-pandemija, qed jintalbu biex jerġgħu jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltajiet oriġinali tagħhom. Kemm il-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne lbieraħ ċaħdu li Dr Grech tkeċċa jew inbidillu l-irwol b’rabta mal-istrajk tal-għalliema.

Il-MAM qiegħda titlob laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Hija sostniet fi stqarrija maħruġa dalgħodu li t-tobba għandhom ikunu ħielsa li jesprimu l-opinjoni professjonali tagħhom mingħajr ma jkunu intimidati jew imbeżżgħin li se ssirilhom xi ħsara. Dan, wara kollox, hu l-obbligu etiku ta’ kull tabib, insistiet il-MAM.

Dan l-aġir il-MAM qed tqisu bħala wieħed ta’ tħassib għall-professjonisti fil-gradi kollha. Żiedet tgħid li l-Ministeru tas-Saħħa ta l-impressjoni li individwu wieħed biss jista’ jaħdem fuq proġett tal-Unjoni Ewropea, u dan mhux ġust fuq it-tobba li diġà qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol.

Għaldaqstant, wara laqgħa li kellha lbieraħ, il-MAM iddikjarat tilwima industrijali li tibda l-Ħamis li ġej. Il-Ħamis it-tobba jibdew b’azzjoni dimostrattiva u jeskalawha nhar it-Tnejn li ġej.