Il-MAM ma teskludix azzjonijiet industrijali minħabba l-attivitajiet tal-Milied

Aġġornat 01:21 PM

Il-MAM tikkundanna l-attivitajiet tal-Milied fil-Belt

people-wearing-masks-valletta-coronavirus
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħarġet kundanna ħarxa tad-deċiżjoni li ssir l-attività Christmas in the City fil-Belt għal żmien il-Milied. Il-union kienet kritika tal-attitudni tal-Prim Ministru u tal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli “li jinjoraw pariri xjentifiċi u jilagħbuha tal-populisti f’nofs epidemija, filwaqt li l-mewt u l-infezzjonijiet tal-Covid qed jilħqu rekords ġodda.”

F’kummenti li għamel filgħodu fuq 103 Malta’ Heart, il-President tal-MAM Martin Balzan insista li f’ċirkostanzi bħal dawn, wieħed kien jistenna aktar restrizzjonijiet, u mhux inizjattivi li jħajru aktar ħruġ. Mistoqsi fuq ir-reazzjoni tal-union jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, Balzan qal li ma jistax jeskludi azzjonijiet industrijali. Però żied li l-MAM tittama li jirbaħ is-sens komun.

Fi stqarrija, l-union tat-tobba qalet li jidher li għal Farrugia Portelli, l-attivitajiet tal-massa ta’ Lulju kienu test, u li l-Milied se jkun iċ-ċans li xxerred l-epidemija b’mod mingħajr preċedent. Żiedet li ma kinitx sorpriża li l-infurzar “falz” tneħħa mill-pulizija u għaddha taħtha.

Fakkret li l-ammont ta’ każi ġodda u ta’ mwiet mill-Covid-19 qed jiżdied, bi 80 każi serji biss fl-Isptar Mater Dei, li minnhom 12 kellhom bżonn kura intensiva. Skont l-aħħar aġġornamenti, Malta qed ikollha medja ta’ 137 każ ġdid kuljum, u peress li r-rata tal-imwiet hi madwar 1.5%, 35 mewt oħra mistennija tiġi mħabbra sal-aħħar tax-xahar.

Il-MAM irrikonoxxiet li skont surveys, ħafna Maltin kienu kontra lockdown ġdid – “naturalment, il-parti l-kbira xebgħu u jridu ħajja normali” – iżda nsistiet li kien hemm bżonn ta’ lockdown biex jinżlu n-numru ta’ każi ġodda.

“Filwaqt li tobba u ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa jissograw ħajjithom kuljum, il-prim ministru eskluda kull forma ta’ lockdown, filwaqt li l-Ministru Julia Farrugia Portelli daħħlet mekkaniżmi ġodda biex titlob lill-Maltin kollha jinjoraw il-pariri tal-Ministru għas-Saħħa u ta’ Prof. Gauci u joħorġu u jiddevertu fi żmien il-Milied,” qalet il-union.

“Dan hu irresponsabbli ferm, u jpoġġi l-ħajja ta’ ħafna pazjenti u ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa f’riskju mhux neċessarju. Il-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied, iżda se joqtol ħafna Maltin vulnerabbli oħra.”