Aġġornata: Mater Dei mhux se jinvestiga kif ingħataw l-appuntamenti

Wara li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) sejħet għal investigazzjoni dwar l-iskedar tal-appuntamenti fl-isptar Mater Dei, il-Kap Eżekuttiv tal-isptar ma laqax din it-talba.
Dalgħodu l-MAM talbet lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon biex jinvestiga rapporti li dehru fil-midja dwar prattiki diskriminatorji fl-għoti tal-appuntamenti permezz ta’ Facebook.
F’ittra mibgħuta lill-Falzon, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan insista li l-proċess tal-appuntamenti għandu jkun wieħed trasparenti u li għandhom jintużaw mezzi uffiċjali biss biex wieħed jerġa’ jikseb appuntament wara l-istrajk tat-tobba. Balzan qal li dawn il-mezzi għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd.
Il-MAM qalet li se tkun qed titlob lill-membri tagħha biex jivverifikaw dan il-proċess mal-pazjenti tagħhom. Qalet li qed tirriżerva d-dritt biex tuża’ mezzi legali jekk tirriżulta xi evidenza ta’ prattiċi rregolari.
Fi tweġiba tiegħu għall-ittra ta’ Dr Balzan, Falzon qal li Mater Dei għandu mezz wieħed biss ta’ kif isiru l-appuntamenti tal-outpatients. Qal li din is-sistema kienet l-unika waħda li ntużat wara l-istrajk tat-tobba.
Ivan Falzon qal li l-appuntamenti li ġew skedati mill-ġdid saru skont il-politika tal-'kanċelazzjoni tal-aħħar minuta' tal-appuntamenti. Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, din il-politika tgħid li d-data l-ġdida tintgħażel abbażi ta’ prijoritajiet kliniċi.
Nhar l-Erbgħa li għadda, Newsbook.com.mt kien staqsa lill-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon dwar dawn l-allegazzjonijiet b’rabta mal-appuntamenti. Falzon qal li ma kien jaf b’xejn. Saħaq li jekk xi ħadd ikollu xi informazzjoni b’rabta mal-każ ikun jista’ jagħmel rapport l-isptar.
Nhar it-Tlieta li għadda t-tobba għamlu strajk bi protesta kontra l-bejgħ tal-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa lil Steward Health Care.