Il-Maltin żdiedu b’1% matul l-2013

Il-popolazzjoni Maltija sal-aħħar tas-sena li għaddiet kienet tammonta għal 425,384.
Skont l-istatistika tal-NSO din tissarraf f’żieda ta’ 1% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Matul l-2013, kien hemm tnaqqis ta’ 2.5% fir-rata tat-twelid u 129 trabi twieldu għand ommijiet żgħażagħ.
Żewġ terzi tat-trabi twieldu għand ommijiet li għandhom bejn 25 u 34 sena. 1,039 twieldu għand ġenituri mhux miżżewġa.
Il-Maltin jammontaw għal 94.1% tal-popolazzjoni f’Malta.
17.8% għandhom inqas minn 18-il sena filwaqt li 17.9% għandhom aktar minn 65, li minnhom 2,114-il persuna għandhom aktar minn 89 sena.
Fl-2013, l-imwiet kienu jammontaw għal 3,236, li 66% minnhom kienu persuni li kellhom aktar minn 74 sena.
Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta wkoll li kien hemm tnaqqis ta’ 245 fin-numru taż-żwiġijiet irreġistrati.
46.5% għażlu żwieġ ċivili, żieda ta’ 2.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.