Il-Maltin sodisfatti b’ħajjithom

Għall-mistoqsija “Kemm int sodisfatt bil-ħajja?” il-Maltin iwieġbu b’mod pożittiv u mal-medja tal-UE.
Il-Eurostat illum ħarġet ċifri dwar kemm ir-residenti tal-pajjiżi membri tal-UE huma sodisfatti b’ħajjithom, u kejlet il-punteġġ li taw fuq tmien aspetti, fosthom ir-relazzjonijiet personali, fejn Malta hi fir-raba’ fost 28 pajjiż.
F’kull kategorija, Malta tat punteġġ pożittiv, l-inqas –bħall-medja tal-UE għall-qagħda finanzjarja li tatha 6 minn 10 punti.
Bit-tieni l-inqas punteġġ, il-ħin tal-ivvjaġġar bejn ix-xogħol u d-dar, l-ispazji pubbliċi fil-kampanja, u l-użu tal-ħin, b’6.6 punti minn 10.
Bil-vot ta’ 7.1, fit-tielet l-inqas post ġie l-ambjent li fih wieħed jgħix, segwit mix-xogħol, b’7.5.
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, wara r-relazzjonijiet personali bi 8.4 minn 10 punti, ġiet id-dar li dak li jkun jgħix fiha, b’punteġġ ta’ 7.9 biex hekk il-medja għal Malta kienet ta’ 7.1 minn 10 punti, eżatt bħall-medja tal-UE.
Minkejja d-daqs ġeografiku ta’ Malta, il-ħin li wieħed jivvjaġġa bejn id-dar u x-xogħol flimkien mal-punteġġi dwar l-ambjent, kienu inqas mill-medja tal-UE.
B’mod ġenerali, l-iktar sodisfatti fl-UE, bil-punteġġ ta’ 8, huma r-residenti tal-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka li wkoll huma l-iktar sodisfatti fejn tidħol il-qagħda finanzjarja, waqt li l-inqas sodisfatti b’mod ġenerali huma l-Bulgari, b’punteġġ ta’ 4.8.