Il-Maltin se jibqgħu jitgħallmu l-Malti bħala lsien nattiv

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li t-tfal Maltin għandhom jibqgħu jitgħallmu l-Malti bħala lsien nattiv.
Jidher li l-Ministru qata’ l-kundanna dwar il-kwistjoni li nqalgħet dan l-aħħar wara artikli li kiteb Newsbook.com.mt, li kien jikkwota lill-Professur Arnold Cassola jgħid li qed jinħema eżami tal-Malti bħala Lsien Barrani, u li jistgħu jagħmluh il-Maltin ukoll.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, speċifikament dwar il-Malti, il-Ministru assigura li l-Malti huwa l-ilsien tal-pajjiż u l-Ministeru għall-Edukazzjoni mhu jqis ebda għażla oħra ħlief dik li jk​ompli jsaħħaħ u jxerred iżjed l-ilsien Malti.
“Nafu li l-Malti qed iseffaq wiċċu ma’ numru ta’ sfidi, u determinati li l-isfidi, inkluż dawk tad-dinja diġitali, niffaċċjawhom u noħorġu b’soluzzjonijiet li fil-prattika u r-realtà jibqgħu jżommu l-Malti relevanti u użat b’mod tajjeb ħafna”, tgħid il-paġna fis-sit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Barra mill-eżami tal-Malti bħala Lsien Barrani, għall-barranin, qed isir ukoll is-sillabu tal-Malti Applikat.
Tkellem dwar il-kisbiet tal-istudenti fil-lingwa tagħhom, u qal li l-Ministeru se jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Qafas għall-Edukazzjoni f’Malta billi jsaħħaħ il-kurrikulu u l-assessjar tat-tagħlim ħalli dawn verament ma joħonqux l-iżvilupp tal-istudenti.

Irrakkomanda wkoll li istituzzjonijiet edukattivi għolja, inkluż l-ITS u l-MCAST, għandu jkollhom il-Malti bħala rekwiżit għal min ikun irid ikompli bl-istudji tiegħu f’dawn l-istituzzjonijiet.
F’April u Mejju l-Ministeru se jkun qed jagħmel laqgħat mal-imsieħba f’dan il-qasam biex ikompli jispjega u jiċċara l-punti relevanti.
Hawn taħt tista' taqra l-Profil tal-Politika dwar it-Tagħlim tal-Lingwa, bl-Ingliż.